Malta qed taħdem mal-Italja u 8 pajjiżi oħra Ewropej biex iwaqqfu bażi għal qafas formali tal-Unjoni Ewropeja li fih membri jistgħu jaqsmu b’ mod volontarju informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-mediċini, sabiex javvanzaw proċeduri ta’ prezzijiet aktar koerenti fis-swieq reġjonali.
L-għaxar pajjiżi tal-hekk imsejaħ ‘Valletta Group’, huma fost l-ewwel fid-dinja kollha li ngħaqqdu flimkien fuq passi prattiċi biex jimplimentaw l-għanijiet tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa approvat f’Mejju, li ssejjaħ għal trasparenza akbar fil-prezzijiet fis-swieq tal-mediċina.
Id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa, Chris Fearne qal li qed jistenna li l-Kroazja, li tagħmel parti minn dan il-grupp, tpoġġi l-kwistjoni fl-aġenda tal-kunsil ewropew għall-impjiegi, il-politika soċjali, is-saħħa u l-affarjiet tal-konsumatur xi żmien is-sena dieħla, wara li tassumi l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.
“Dak li nixtiequ nagħmlu huwa li npoġġu dan fuq l-aġenda tal-Kunsil tas-Saħħa Ewropew s-sena dieħla” stqarr il-Ministru Fearne.
Il-proċess ta’ dan il-grupp qed jiġi segwit mill-qrib minn bosta pajjiżi barra l-Ewropa kif ukoll minn avukati tas-soċjetà ċivili, biex tara jekk dan il-grupp jistax jifformula mudell għall-implimentazzjoni prattika tar-riżoluzzjoni ambizzjuża tal-assoċjazzjoni dinjija tas-saħħa, li jistgħu jsegwu oħrajn.
Id-Deputat Prim Ministru temm jgħid “Bħala eku tal-inizjattiva tal-Gvern Malti waqt il-presidenza tal-Unjoni Ewropea sentejn ilu illi jikkreja grupp ta’ pajjiżi Ewropej biex flimkien ninnegozjaw mal-industrija tal-farmaċewtika ħalli niżlu l-prezzijiet tal-mediċina. Illum reġa’ kellna diskussjonijiet anke hawnekk ġewwa l-Awstrija biex inkomplu nwasslu ‘l quddiem dan il-messaġġ tagħna, l-importanza li jkun hemm negozjati bejn gvernijiet tal-Ewropa u l-kumitat tal-farmaċewtika u l-industrja farmaċewtika biex inizlu l-prezzijiet tal-medicina. Fl-aħħar mill-aħħar dan ifisser mediċini aħjar għall-pażjenti tagħna bi prezzjiet li jaffordjhom kullħadd.”