Malta fakkret Jum l-Ewropa permezz ta’ attività quddiem il-Parlament, il-Belt.
Europe Direct Malta u l-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta għamlu attività li fiha wrew lill-pubbliku kif l-Unjoni Ewropea taffettwa lill-Maltin u Għawdxin.
F’din l-attività ntqal li fl-Unjoni Ewropea hemm sens ta’ paċi u għaqda, u li dan irid jibqa’ jitħares għall-futur. Dan irid isir anki permezz tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li ġiet fi tmeimha fil-jum tat-Tnejn u li minnha ħarġu kważi ħamsin proposta konkreta.
Preżenti għal din l-attività kien hemm is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej, Chris Bonett. Huwa qal li l-Unjoni Ewropea għandha żewġ sfidi importanti: dik li turi solidarjetà ma’ Stati żgħar bħal Malta u li, fil-qalba tad-deċiżjonijiet, ikun hemm in-nies.
Issemma wkoll kif il-pakkett ta’ fondi Ewropej li nġieb mill-Prim Ministru Malti se jintużaw għal diversi oqsma, fosthom l-edukazzjoni u s-saħħa. Qal, “Għalhekk, naħseb li aktar minn qatt qabel ukoll, proprju fi sfond li issa ħriġna, ħerġin minn pandemija tal-Covid-19 u għandna, sfortunatament, l-invażjoni fl-Ukrajna, li bħala blokk ta’ pajjiżi nibqgħu naħdmu flimkien biex ikollna Ewropa li tkompli għaddejja fil-paċi, fis-solidarjetà, u fil-progress tagħha u taċ-ċittadini kollha tagħha.”