Il-Ħadd filgħodu, pajjiżna fakkar Jum it-Tifkira.
Flimkien mal-pajjiżi tal-Commonwealth, Malta fakkret il-miljuni ta’ persuni li tilfu ħajjithom matul l-Ewwel Gwerra Dinjija.
F’din iċ-ċerimonja tfakkru t-tokki tal-ħdax; tal-ħdax-il jum tal-ħdax-il xahar tal-elf, disa’ mija u tmintax meta beda l-Armistizju, jiġifieri ntemmet il-Gwerra l-Kbira.
Iċ-ċerimonja bdiet mal-wasla tal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fi Pjazza San Ġwann fil-Belt.
Il-President ta’ Malta George Vella ntlaqa’ minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta fejn indaqq l-innu Malti u wara spezzjona l-gwardja tal-unur.
Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ martu Lydia, ukoll intlaqgħu mill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, fejn indaqq l-innu nazzjonali.
Wara, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof ta’ Malta l-Monsinjur Charles Scicluna kkonċelebra l-quddies li fakkret il-vittmi taż-żewġ gwerer.
Waqt l-omelija, Monsinjur Scicluna qal kif f’din iċ-ċerimonja qed tkun imfakkra l-ħajja ta’ persuni innoċenti li tilfu ħajjithom.
Qal, “Illum insellmu ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ żgħażagħ, mhux biss tal-bieraħ imma anke tal-lum, li nqatlu, li jiġu feruti b’mod permanenti, sofrew diżabbiltà b’mod permanenti fil-kunflitti li noħolqu aħna l-bnedmin bin-nuqqas ta’ ħila ta’ djalogu.”
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll Membri Parlamentari, il-Prim Imħallef u membri tal-ġudikatura, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Din il-quddies ġiet segwita b’ċerimonja ta’ tifkira ħdejn il-Monument tal-Gwerra fil-Furjana, fejn l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż poġġew kuruni ta’ fjuri biswit il-monument.
Din is-sena b’differenza mis-soltu, minħabba l-pandemija, il-kontinġenti tal-Forzi Armati u tal-Pulizija, u dawk li poġġew il-fjuri fuq il-monument kienu inqas mis-soltu.
Waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija, Malta ma kinitx milquta bil-bombi bħalma ġara fit-Tieni Gwerra Dinjija.
F’din il-gwerra, Malta kienet magħrufa bħala l-infermiera tal-Mediterran.
Konsegwenza ta’ din il-gwerra, f’Malta kien hawn l-għaks u ħakem il-faqar. Dan wassal biex il-Maltin qamu kontra l-ħakkiem Ingliż fis-Sette Giugno tal-elf disa’ mija u dsatax u erba’ Maltin tilfu ħajjithom.
Dan wassal biex f’Novembru ta’ mitt sena ilu, pajjiżna kellu l-Parlament tiegħu.