Għall-għada tagħkom, tajna l-illum tagħna.
Dan intqal minn veteran tal-gwerra wara li ġew osservati żewġ minuti ta’ silenzju fis-Saluting Battery fil-Barrakka ta’ Fuq biex jitfakkru l-miljuni ta’ nies li tilfu ħajjithom fil-ħruxija tal-gwerer.
Din iċ-ċerimonja saret fl-okkażjoni ta’ Jum it-Tifkira, b’ċerimonja simbolika organizzata mill-Fondazzjoni Wirt Artna fil-kapitali Maltija.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni, Mario Farrugia, tkellem dwar kif din il-ġurnata tfakkar il-mument meta ntemmet l-Ewwel Gwerra Dinjija, bi ftehim bejn il-Ġermanja u l-Alleati.
Qal, “It-tmiem tal-gwerra ġie annunzjat mill-kanuni tas-Saluting Battery fl-1918, fil-ħdax ta’ filgħodu, fil-ħdax-il jum ta’ Novembru, u għal dawn l-aħħar dsatax-il sena l-Fondazzjoni Wirt Artna ilha tikkommemora dan l-avveniment.”
Mat-tokki tal-ħdax ta’ filgħodu, bl-isparatura tal-kanun, bdew żewġ minuti ta’ silenzju li matulhom dawk preżenti, b’mod speċjali l-veterani li fil-passat servew lil pajjiżhom, ftakru f’ħuthom li sfaw vittmi tal-qilla tal-gwerra.
Fi tmiem l-attività ġie inawgurat ukoll ir-restawr fuq il-monument tal-Kurunell Henry Anderson Morshead.
Qal, “F’dan il-jum 191 sena ilu kien miet ġewwa Malta l-Kurunell Henry Anderson Morshead, li kien Kmandant tar-Royal Engineers, jiġifieri dawk li kienu responsabbli mill-fortifikazzjonijiet. Però kien ukoll Acting Lieutenant ta’ Malta għax il-Gvernatur ma kienx qiegħed Malta dak iż-żmien, kien qed jattendi għall-Kurunazzjoni tar-Re William the Fourth.”
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm numru ta’ veterani tal-gwerra Maltin u barranin, rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni tal-Veterani, u rappreżentanti tal-kontinġent ta’ bastiment tar-Royal Navy u tar-Royal Engineers.
Kien hemm ukoll rappreżentanti minn ambaxxati differenti, li poġġew kuruni ta’ fjuri fuq il-monument li jfakkar il-vittmi tal-Gwerra fil-Barrakka ta’ Fuq.