Malta llum tingħaqad mal-kumplament tad-dinja biex tfakkar il-Jum Dinji tal-Braille. Il-Braille hi sistema ta’ simboli tal-alfabett u numri li jikkonsistu f’sitt tikek biex jirrappreżentaw kull ittra u numru kif ukoll simboli mużikali.
Dan il-jum internazzjonali jiġi ċċelebrat illum għax il-bniedem li vvinta l-braille, il-Franċiż Louis Braille, twieled fl-4 ta’ Jannar 1809. Huwa kien tilef id-dawl t’għajnejh f’inċident tat-traffiku meta kien għad kellu 15-il sena u dan xprunah biex jagħmel xi ħaġa biex ikun jista’ jgħix ħajtu b’mod kemm jista’ jkun normali.
Il-Ġnus Magħquda għażlet l-4 ta’ Jannar biex tfakkar u tkabbar l-għarfien dwar l-importanza tal-użu tal-Braille bħala mezz ta’ komunikazzjoni għal persuni neqsin mid-dawl. L-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda pproklamat dan f’Novembru 2018 bl-ewwel Jum Dinji tal-Braille ikun iċċelebrat fl-4 ta’ Jannar 2019.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li l-gvern huwa kommess li jagħmel dak kollu possibbli biex kull persuna f’Malta u f’Għawdex ma tħosshiex żvantaġġata minħabba xi forma ta’ diżabbiltà, inkluża dik ta’ nuqqas ta’ dawl.
F’Malta u f’Għawdex in-numru ta’ persuni neqsin mid-dawl reġistrati mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà jammonta għal 1,633. L-etajiet tagħhom ivarjaw minn ta’ tfulija sa anzjanità ta’ aktar minn 90 sena.