Illum in-Nazzjonijiet Magħquda qed tfakkar il-Jum Dinji kontra t-Traffikar ta’ Persuni. Din is-sena t-tema magħżula hija dik tat-traffikar ta’ tfal u żgħażagħ. Terz tal-persuni traffikati jaqgħu f’din il-kategorija u l-forom ewlenin ta’ traffikar jinkludi sess, żwieġ furzat u traffikar għal skopijiet ta’ xogħol.
Fid-dawl tal-appell tan-Nazzjonijiet Magħquda biex tittieħed azzjoni biex t-tfal ikunu protetti u ssir ġustizzja ma’ dawk li jsofru xi forma ta’ abbuż, il-Gvern Malti jtenni l-impenn tiegħu li se jkompli jħarrax il-ġlieda kontra t-traffikar uman.
Illum il-ġurnata qed naraw forom oħra ta’ traffikar uman li jara l-oriġini tiegħu mill-internet u l-media soċjali fost l-oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli qalet li bħala politiċi għandna l-obbligu li nipproteġu lill-vittmi mill-pjaga tat-traffikar tal-umani.
“Malta tagħraf li l-problema tat-traffikar uman trid tiġi indirizzata mill-aktar fis possibbli. Din hija waħda mill-prijoritajiet tal-Gvern u qed naħdmu bil-għaqal imma b’viżjoni ċara biex iniedu strateġija li tindirizza t-traffikar uman fuq livell nazzjonali,” saħqet is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli.