Il-Forzi Armati ta’ Malta kienu kostretti jsavlaw 118-il immigrant, fosthom ħamest itfal, li kienu qed jegħrqu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija. Din id-dgħajsa kienet waħda mill-ħafna li kien hemm fil-baħar Mediterran fl-aħħar jiem, b’ħafna minnhom jittieħdu lura l-Libja u oħrajn baqgħu telgħin l-Italja.
Ritratti li kienu ppubblikati juru li din kienet sitwazzjoni fejn il-Forzi Armati ta’ Malta ma kellhomx għażla oħra ħlief li jsalvaw lil dawn il-persuni minn mewta ċerta.
Dawn l-immigranti se jinżammu iżolati fi kwarantina fuq l-art hekk kif is-sejħa għall-bastiment tal-kwarantina li ħareġ il-Ministeru fl-aħħar ġimgħat tinsab fl-aħħar fażijiet tagħha.
Fuq dan id-dinghy li kien qed jegħreq kien hemm għaxar nisa, waħda minnhom b’tarbija tat-twelid.
Il-Ministru għall-Intern is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri spjega li l-gvern se jkompli jaħdem biex jipprevjeni l-wasliet, jirritorna lil dawk li ma ħaqqhomx u jaqsam ma’ pajjiżi oħra l-piż ta’ dawk li jkun ħaqqhom l-ażil.
Fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena, jew preċiżament sa nofs Awwissu, l-awtoritajiet Libjani interċettaw 6,971 persuna.
Il-Ministru Camilleri stqarr: “Immaġinaw x’kienet tkun is-sitwazzjoni kieku dawn il-persuni baqgħu jitħallew tilgħin lejn Malta jew Lampedusa. Fl-aħħar tliet ġimgħat fl-Italja daħlu 3,900 persuna filwaqt li f’pajjiżna daħlu kważi 300 persuna. Qed naħdmu ħafna f’dan ir-rigward. Morna l-Libja għal darba, darbtejn, ġew l-awtoritajiet Libjani sabiex nkomplu niżviluppaw din il-koperazzjoni.”
Il-Gvern qed jaħdem ukoll fuq ir-ritorn.
Il-Ministru Camilleri sostna: “Is-sistema tar-ritorn qed insaħħuha. Li nibgħatu lura persuni li ma għandhomx ikunu hawn, għalina hija prijorità ewlenija. Allura wettaqna bidliet u ser inkomplu nwettqu iktar biex hawn ukoll niksbu riżultati u naslu aktar minn kemm bħala pajjiż wasalna qabel.”
Il-Ministru spjega wkoll ix-xogħol li qed isir fuq ir-rilokazzjoni.
Fisser kif din is-sena l-gvern kiseb erba’ mija u ħamsin wiegħda ta’ rilokazzjoni. Wegħdi li l-gvern se jaċċerta li jinżammu.
Il-Ministru sostna l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jaħdem ta’ kuljum biex itaffi din il-problema.
Huwa kompla jgħid: “Nifhem li minkejja dan kollu fi ġranet bħal tal-lum, fejn iċ-ċittadini Maltin jinkwetaw u jirrabjaw għax jgħidu għaliex pajjiżna spiċċa fin-nofs ta’ din il-problema li ma kkawżax hu. Jien l-ewwel wieħed nirrabja bħalhom. Però nixtieq inserraħ ras kulħadd li dan il-Gvern se jibqa’ jiġġieled din il-problema ta’ kuljum.”