Il-Gvern Malti għadu kif esporta sitt elef, ħames mija u ħamsin tunnellata ta’ ħġieġ imħallat u b’hekk ġiet immarkata l-akbar esportazzjoni ta’ ħġieġ mis-sena 2013.
Din l-esportazzjoni kienet ix-xhud ta’ żieda fir-riċiklar f’pajjiżna hekk kif dan il-ħġieġ inġabar minn diversi siti li hawn imferrxin madwar il-gżejjer Maltin fost oħrajn.
Dan il-materjal ser ikun trasformat b’tali mod li jkun jista’ jerġa’ jiġi manifatturat fi prodott ġdid.
Dan bħala parti mill-inizjattiva li tagħmel il-Wasteserv bil-għan li noħolqu ekonomija ċirkolari.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Wasteserv spjega: “F’dawn il-ġimgħat ukoll bdejna t-trials fuq ir-rudimentary line. Bħalissa qed isir it-trejning biex b’hekk inkomplu ntejbu l-performance tagħna fejn jidħol riċiklar u hawnhekk huwa importanti ħafna illi n-nies ikomplu jagħmlu sforz tajjeb li diġa’ qed jagħmlu u jżidu miegħu biex jisseparaw l-iskart.”
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia sostna kif il-Gvern jinsab iffukat jaħdem sabiex ssir ġustizzja mal-poplu Malti li jissepara l-iskart f’daru.
Il-Ministru Farrugia qal: “Dan huwa d-direzzjoni u d-deċiżjonijiet li l-Gvern ħa u dan huwa s-suċċess tan-nies għaliex fl-aħħar mill-aħħar dan qed nagħmluh għaliex in-nies komplew jisseparaw u wasalna għal dawn ir-riżultati pożittivi illi għandna bħala pajjiż. Inħares ‘il quddiem allura biex il-poplu Malti, il-familji Maltin u Għawdxin ikomplu jisseparaw l-iskart għaliex bis-saħħa tagħhom il-Wasteserv tista’ tkun tagħmel xogħolha b’mod tajjeb ħafna.”