Malta bdiet tospita l-Kungress tal-pajjiżi li jagħmlu parti mill-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran.
Dan il-Kungress maqsum f’jumejn bejn it-3 u l-4 ta’ Ottubru qed jara 140 delegat minn 15-il pajjiż differenti madwar l-Unjoni Ewropea.
Waqt dan il-kungress se jkunu qed jiġu diskussi s-suċċessi kif ukoll l-isfidi li qegħdin jaffaċċjaw is-sajjieda u l-operaturi fis-settur tal-akwakultura.
Dan il-kungress huwa organizzat flimkien mal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (il-FAO) u l-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM).
Dan huwa s-sitt anniversarju mill-ilħuq tal-miri tad-Dikjarazzjoni tal-MedFish4Ever, li saret f’pajjiżna meta dan l-istess Kungress kien tlaqqa’ f’Malta fl-2017. Wara diversi xhur ta’ negozjati xprunati mill-Kummissjoni Ewropeja, din id-Dikjarazzjoni wasslet għal ftehim għal perjodu ta’ għaxar snin, bl-għan li tipproteġi s-saħħa ekoloġika, ekonomika, u ambjentali tal-baħar Mediterran.
Il-kungress se jiddiskuti s-suċċess ta’ din il-ħidma kollaborattiva fuq numru ta’ temi differenti. Fosthom hemm it-tibdil tal-klima, l-immaniġġjar tal-ispeċijiet akwatiċi fil-Mediterran, u l-protezzjoni tal-ambjent.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, qalet li l-għan ta’ dan il-Kungress huwa li jgħin biex jiġi assigurat li l-komunitajiet tas-sajd u l-akwakultura reġjonali jadattaw u jsiru iktar sostenibbli kif ukoll reżiljenti.