Skont il-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna kienet 3% f’Novembru jew 0.2% inqas minn sena qabel. Din hi fost l-inqas rati osservati mindu bdiet tinġabar din l-istatistika.
Malta għandna l-inqas rata fiż-Żona Ewro u t-tieni l-inqas fl-Unjoni Ewropea kollha.
Il-medja tal-qgħad Ewropea issa tlaħħaq il-5.9%, kontra s-6.1% sena qabel, mentri l-medja taż-Żona Ewro hi ta’ 6.3% mis-6.5% sena qabel. L-akbar rata ta’ qgħad hi ta’ 11.2% fi Spanja u l-inqas 2.8% fir-Repubblika Ċeka.
Fejn jidħlu ż-żgħażagħ, ir-rata f’Malta hi ta’ 10.7%, kontra medji tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ewro ta’ 15.3% u 15% rispettivament.
L-akbar rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ hi ta’ 26.6% ukoll fi Spanja, mentri l-inqas hi fil-Ġermanja b’6.4%. Malta għandha t-tielet l-inqas rata mill-pajjiżi taż-Żona Ewro.
Ta’ min ifakkar li, fl-eqqel tar-riċessjoni tal-2009, pajjiżna kellu rata ta’ qgħad li kienet 7.3% jew aktar mid-doppju tar-rata preżenti, mentri l-qgħad fost iż-żgħażagħ kien 16%, ukoll aktar mid-doppju tar-rata preżenti.
Taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, Malta kellha rata ta’ qgħad ta’ 6.8%, b’dik fost iż-żgħażagħ tilħaq l-14.7%.