L-akbar stħarriġ Ewropew li qatt sar dwar diskriminazzjoni fil-qasam tal-LGBTIQ jikkonferma lill-Malta bħala fost l-aktar pajjiżi fejn fih persuni LGBTIQ iħossuhom komdi fil-pubbliku.
Ċifri fl-istħarriġ li sar mill-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u li fih ipparteċipaw mat-800 persuna Maltija LGBTIQ, juru li 83% jħossuhom sodisfatti bil-ħidma tal-Gvern sabiex jiġġieled il-preġudizzji u d-diskriminazzjoni kontra persuni LGBTIQ.
F’dan l-istħarriġ Malta wkoll klassifikat l-ewwel bil-persuni LGBTIQ li ma jevitawx postijiet pubbliċi sabiex ma jsofrux minn diskriminazzjoni.
Fil-fatt 53% tal-Maltin wieġbu li ma jevitaw l-ebda post meta joħorġu filwaqt li 25% ma jiddejqux iżommu id is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom.
Aktar minn 70% tal-Maltin li pparteċipaw qalu wkoll li fl-aħħar ħames snin innutaw tnaqqis fl-intolleranza lejn persuni LGBTIQ.
Fost l-aqwa fl-Ewropa.
Malta klassifikat it-tieni wkoll wara l-Portugal fl-inqas attakki sesswali u fiżiċi lejn persuni minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom.
Intant għall-ħames sena konsekuttiva Malta żammet postha fil-quċċata tal-klassifika tal-Indiċi ILGA-EUROPE.
Riżultat li għal sena oħra jikkonferma l-ħidma bla preċedent ta’ Gvern Laburista sabiex jipproteġi u jassigura d-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ.
L-hekk imsejħa Rainbow Map, ippubblikata mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Persuni Lesbjani, Gay, Bisesswali, Trans u Intersex, l-ILGA, hija msejsa fuq sitt kategoriji tematiċi: l-ugwaljanza u l-protezzjoni kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni, il-protezzjoni kontra l-mibegħda u l-omofobija, id-dritt li tifforma familja, ir-rikonoxximent legali tal-ġeneru, l-inklużjoni soċjali u d-dritt tal-ażil.
Fil-fatt fil-klassifikazzjoni ta’ din is-sena, minn fost 49 pajjiż, Malta reġgħet klassifikat l-ewwel b’89%.
Isegwu hemm il-Belġju u l-Lussemburgu bi 73% u d-Danimarka u n-Norveġja b’67%.
Intant l-Armenia, it-Turkija u l-Azerbajġan klassifikaw l-agħar f’dawn l-indiċi.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza Rosianne Cutajar saħqet li dan il-Gvern se jkompli fuq din il-ħidma li embarka fuqha Gvern Laburista fl-2013.
Intant, il-Prim Ministru Robert Abela nnota wkoll dan ir-riżultat pożittiv, fejn fi tweet qal li għandna nkomplu bil-ħidma sabiex bħala nazzjon inkomplu niproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ċivili.
Malta ranks 1st on the @ILGAEurope index for the 5th consecutive year. We shall keep striving forward as a nation in protecting fundamental #rights & #civil liberties. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) May 14, 2020