Għal darb’oħra Malta terġa’ tiġbed l-attenzjoni ta’ ġurnal barrani ieħor, dan hekk kif titniżżel bħala wieħed minn tnax-il pajjiż fl-Ewropa li wieħed għandu jżur fl-2017.
Is-sit barrani Independent tar-Renju Unit f’artiklu semma 12-il pajjiż li wieħed għandu jniżżel fuq lista bħala l-aqwa pajjiżi fl-Ewropa li wieħed għandu jżur fis-sena 2017 fejn Malta tniżżlet proprju fl-ewwel post. Fost it-tnax-il pajjiżi hemm l-Iżlanda, Lisbona fil-Portugal, il-Finlandja, Londra u l-Iżvizzera.
Fl-artiklu l-ġurnalisti Sarah Schmalbruch u Sophie-Claire Hoeller irriklamaw lil Malta bħala l-pajjiż li fih inġibdu filmati tas-serje tant popolari Game of Thrones. Huma qalu wkoll li wieħed għandu ċ-ċans li jżur diversi postijiet storiċi, u tliet siti ta’ Wirt Dinji, kif ukoll seba’ tempji li jingħad li huma l-eqdem madwar id-dinja.
Id-deskrizzjoni qasira temmet tgħid li Malta hi famuża wkoll għall-bajjiet sbieħ li għandha, għall-portijiet b’diversi dgħajes u kif ukoll għall-attivitajiet soċjali li jsiru saħansitra fuq dgħajes fl-ibħra Maltin.