Malta reġgħet ikklassifikat fl-ewwel post fl-indiċi ta’ ILGA-Europe li jkejjel id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ f’pajjiżi differenti.
Għas-sitt sena konsekuttiva Malta ġiet fl-ewwel post u din id-darba tejbet il-punteġġ mogħti lilha, b’ħamsa fil-mija.
Fil-jum internazzjonali kontra fost oħrajn l-Omofobija, l-Assoċjazzjoni Reġjonali Ewropea għal-LGBTIQ, ILGA-Europe, ħarġet il-klassifika tal-pajjiżi Ewropej imsejħa bħala Rainbow Index.
Malta kisbet punteġġ ta’ 94% filwaqt li l-pajjiż li ġie fit-tieni post kien il-Belġju b’74%.
Dan ifisser li l-pajjiż ta’ wara Malta huwa ferm lura fil-punteġġ tal-indiċi u hemm distakk ta’ 20%.
Il-Lussemburgu, il-Portugall u n-Norveġja lkoll ġew wara Malta.
L-agħar pajjiżi Ewropej f’dawn l-indiċi huma Monaco u r-Russja fost oħrajn.
Sentejn oħra pajjiżna mistenni jorganizza l-EuroPride, avveniment kbir internazzjonali li jiċċelebra u jimmanifesta d-drittijiet ċivili ta’ persuni LGBTIQ.
Dan l-avveniment se jsir ukoll b’assistenza finanzjarja mwegħda mill-Gvern.
L-indiċi ta’ ILGA-Europe nnota fost oħrajn kampanji fuq il-post tax-xogħol favur l-inklużjoni ta’ persuni trans.
Fil-fatt kampanja minnhom kienet imbuttata ferm minn JobsPlus.
Intant b’rabta ma’ dan ir-riżultat sabiħ li jirrikonoxxi l-ħidma li saret f’pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif Malta tejbet il-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward.
Fuq twitter qal li l-Gvern huwa kommess li fis-snin li ġejjin jibqa’ jtejjeb f’dan il-qasam.