Tul dan ix-xahar, Malta għandha l-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, għat-tieni darba fl-aħħar sentejn mindu pajjiżna ngħata siġġu mhux permanenti f’dan l-ogħla organu tal-istituzzjoni internazzjonali.
Dwar dan ONE News tkellem mal-Ministru responsabbli mill-Affarijiet Barranin, Ian Borg.
“Għandek temi u sfidi li jibqgħu prijorità matul is-sentejn kollha u allura anke issa, fix-xahar tal-Presidenza Maltija, bħal pereżempju tfal u l-konflitti armati, il-vjolenza sesswali waqt il-gwerer. Dawk huma temi rikurrenti.”
Il-Ministru Ian Borg
Hawnhekk il-Ministru Borg semma temi oħrajn li huma fuq l-aġenda tal-Presidenza Maltija.
“Bla dubju ta’ xejn, l-Ukrajna tibqa’ fuq l-aġenda, iżda wkoll għandek b’mod mill-aktar pressanti u għaldaqstant qed nantiċipa li l-laqgħa li se nkun qed immexxi fit-18 t’April tkun mistennija ħafna u li għaliha se jattendu bosta Ministri tal-Affarijiet Barranin fi New York.”
Il-Ministru Ian Borg
Din id-diskussjoni se ssir hekk kif qed jiżviluppaw l-affarijiet f’Gaza fil-Lvant Nofsani, b’Iżrael għadu m’osservax riżoluzzjonijiet li ġew approvati minn dan l-organu. Dan, minbarra t-talba li hemm mid-dinja Għarbija biex il-Palestina tissieħeb bħala membru sħiħ fil-Ġnus Magħquda.
“Din hija talba li l-Presidenza Maltija rċeviet u li hemm numru ta’ azzjonijiet li wieħed issa jkun qed isegwi. Wieħed ukoll jifhem li matul dan ix-xahar jistgħu jinqalgħu affarijiet li wieħed ma jkunx ippjanat għalihom u għaldaqstant bil-ħidma kkordinata bejn il-Ministeru, bid-dipartimenti fil-Gvern, flimkien mal-missjoni tagħna fi New York u missjonijiet oħrajn.”
Il-Ministru Ian Borg