Waqt laqgħa tal-ministri tal-agrikoltura Ewropej li saret fi Vjenna, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri sostna li sabiex inħajru liż-żgħażagħ jaqbdu karriera fil-biedja rridu wkoll nagħmluha iktar faċli għalihom. Għalhekk Camilleri enfasizza li ma rridux nibqgħu ninsistu fuq il-prerekwiżit għal taħriġ xieraq jew ħiliet meħtieġa sabiex jitqiesu bħala bdiewa żgħażagħ.
Minflok, stqarr is-Segretarju Parlamentari, “għandna nużaw l-istrumenti fi ħdan il-PAK sabiex ngħinuhom jakkwistaw dan it-taħriġ u l-ħiliet neċessarji. Hemm bżonn ukoll li nipprijoritizzaw dawk l-istrumenti u l-inizjattivi li jinċentivaw il-parteċipazzjoni tal-bdiewa żgħażagħ, bħaż-żieda proposta fl-għoti ta’ għajnuna tal-bidu għall-bdiewa żgħażagħ.” Spjega kif l-istati membri jistgħu wkoll ikunu mħeġġa jfasslu kriterji tal-għażla għall-investiment li jiffavorixxi lill-bdiewa żgħażagħ filwaqt li qal li hemm bżonn ukoll li nassiguraw li s-settur jibqa’ sostennibbli għall-futur u f’dan il-kuntest il-miżuri tal-investiment provduti mill-Fond Rurali Għall-Iżvilupp għandhom rwol importanti.
Is-Segretarju Parlamentari Camilleri qal li d-domanda għall-ikel li qiegħda dejjem tiżdied nistgħu nilħquha biss jekk inkomplu nagħtu appoġġ xieraq lill-bdiewa tagħna ħalli ma jabbandunawx is-settur, u jekk inkomplu nagħmlu ħilitna biex inħajru għal-karriera fil-biedja. Għalhekk insista li hemm bżonn li nsaħħu l-iskemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-Politika Agrikola Komuni, u dan għandu japplika wkoll għall-iskema ta’ appoġġ akkoppjat volontarju minħabba li din tippermetti lill-istati membri jidentifikaw dawk is-setturi li jeħtieġu l-għajnuna biex jibqgħu joperaw, filwaqt li jiggarantixxu l-eżistenza ta’ setturi oħrajn li jiddependu fuqhom. Fil-każ ta’ Malta, dan l-istrument huwa detrimentali għall-vijabbiltà ekonomika u mingħajru nkunu qed npoġġu f’riskju kbir l-eżistenza tas-settur. Għalhekk, qal Clint Camilleri, “ikun inutli li nħajru liż-żgħażagħ għal karriera fil-biedja jekk dawn ma jarawx futur f’dan is-settur”.
Hu enfasizza li rrridu wkoll nkomplu nibnu fuq ir-reputazzjoni tajba li għandhom il-prodotti agrikoli Ewropej u elabora li għalhekk irridu nkomplu naħdmu sabiex insaħħu l-kwalità. Clint Camilleri spjega li mod ta’ kif nagħmlu dan huwa “billi noffru l-informazzjoni u t-taħriġ meħtieġ lill-bdiewa tagħna sabiex jifhmu l-preferenzi tal-konsumatur u ngħinuhom jiddentifikawhom. Dan jista’ jkopri wkoll taħriġ tekniku fil-prattiċi tal-produzzjoni sostenibbli. Taħt l-investimenti għandna niffinanzjaw ukoll l-analiżi fuq l-għarfien ta’ l-imġiba tal-konsumatur u tal-preferenzi tal-konsumatur minħabba li dan huwa fattur importanti għall-kompetittività tas-settur”.
Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li “sabiex tinżamm il-produzzjoni agrikola fl-Unjoni kollha huwa importanti li l-istati membri jkollhom aktar flessibilità li jagħżlu huma dawk l-istrumenti li jixtiequ jallokaw il-fondi għalihom”. Camilleri sostna li għalhekk Malta ma taqbilx mal-ħafna skemi mandatorji proposti għaliex dawn ħa jkunu qed inaqqru mill-fondi disponibbli għal skemi kruċjali oħra filwaqt li jagħmlu ħsara lill-effettività ta’ strumenti oħrajn.
Ritratt: MESDC_PS