Malta temmen fl-importanza tal-paċi u fis-soluzzjonijiet diplomatiċi għall-konflitti. Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela, waqt li jinsab fi Brussell għal summit informali tal-Kunsill Ewropew, li qed jiddiskuti d-difiża Ewropea, f’kuntest tal-gwerer fl-Ukrajna u l-Lvant Nofsani.
F’kummenti mal-midja, il-Prim Ministru tkellem dwar kif pajjiżna jirrispetta n-newtralità, li hi mnaqqxa fil-Kostituzzjoni tagħna. Hawn semma kif Malta tgħin finanzjarjament fil-European Peace Facility, waqt li għenet ukoll lill-Ukrajna, f’affarijiet li mhumiex letali.
“Aħna bħala pajjiż, lanqas nistgħu ngħidu le għal kollox, imma l-messaġġ irid ikun wieħed ta’ rispett assolut lejn id-difiża, lejn il-politika speċifika tad-difiża ta’ pajjiżna u nieħu pjaċir li anke fl-ittra li bagħat il-President (tal-Kunsill Ewropew) Costa għamilha ċara u rrefera li kwalunkwe diskussjoni trid tittieħed fil-kuntest tad-difiża partikolari fil-politika ta’ difiża partikolari ta’ ċerti pajjiżi, qed jirreferi għalina hemmhekk.”
Il-Prim Ministru, Robert Ablea
Il-Prim Ministru Malti tenna li l-importanza tad-diskussjoni fuq il-paċi trid tkompli fil-fora internazzjonali, fosthom fil-Kunsill Ewropew. Dan filwaqt li rridu nirrikonoxxu li Malta mhix maqtugħa u hi protetta kompletament mir-realtajiet li qed jiġru madwarna.
“Naħseb li kieku nieħdu dik il-linja, kieku jien kelli nitkellem b’dan il-mod jew ma nipparteċipax f’din id-diskussjoni ma nkunx qed inkun realistiku. Dak forsi kif jaħsbu ħafna, li pajjiżna qatt ma jista’ jintlaqat minn dak li qed jiġri madwarna, imma r-realtà mhix dik.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela