Irridu niżguraw li Malta jkollha vuċi waħda fil-Parlament Ewropew li tħares is-sovranita` ta’ pajjiżna. L-MEPs Maltin għandhom jiddefendu l-flessibbilita` fil-politika tat-tassazzjoni ta’ kull stat membru tal-UE u jiżguraw li l-proposti għaċ-ċentralizzazzjoni tal-politika taż-żona ewro ma jkunux ta’ detriment għal Malta. Irridu naħdmu biex nisfruttraw kull opportunita` ġdida li tista’ tinqala’ waqt li nkomplu nopponu proposti li ma jkunux fl-interess tal-Maltin u l-Għawdxin.
Dan qalu Alfred Sant f’Konferenza dwar il-futur ta’ Malta fl-Ewropa fil-Qawra li għaliha attendew mijiet ta’ nies.
“Fl-elezzjonijiet Ewropej il-poplu jeħtieġ jagħżel rappreżentanti li jiddefendu l-interess ta’ Malta.”
Sant qal li fl-Ewropa ċ-ċittadini huma maqtugħin minn dak li jaħsbu l-mexxejja tal-partiti tradizzjonali, qed tikber l-iskuntentizza soċjali u qed jikber l-appoġġ lejn il-partiti tal-lemin estrem. Dan deher ċar fir-Renju Unit meta maġġoranza ivvotat favur BREXIT u kontra dak li ħasbu l-mexxejja tal-partiti politiċi u tat-trade unions. Kollox għadu indeċiż dwar ftehim dwar Brexit bejn ir-Renju Unit u l-UE.
“Irridu naħdmu għal Ewropa soċjali li tipproteġi l-interessi taż-żgħażagħ, ħaddiema u l-anzjani.”
Alfred Sant irrefera għll-proposta ta’ Ewropa federali li twassal għal żona ewro ċentralizzata.
“Dan mhux fl-interess ta’ Malta. Malta trid tiżgura li tkompli ssaħħaħ l-istrutturi finanzjarji tagħha u tkompli tqassam il-ġid li toħloq b’ġustizzja soċjali.”
Alfred Sant qal li għandna nipproteġu l-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin li jeħtieġu l-għajnuna biex jimmodernizzaw il-ħidma tagħhom. Bis-sħubija fl-UE il-bdiewa u r-raħħala qed jiffaċċjaw kompetizzjoni inġusta . Il-biedja tagħna naqset bin-nofs minħabba r-regoli tal-UE. Il-bdiewa u r-raħħala jiħtiġilhom l-inkoraġġiment tal-Gvern biex il-prodotti tagħhom ikunu aktar aċċessibbli fis-suq lokali.
Il-Konferenza tmexxiet minn Emanuel Cuschieri