Fil-korsa tal-Marsa ġiet organizzata logħba internazzjonali bejn il-Malta Polo Club u l-All Ireland Polo Club, li ntrebħet mit-tim Malti bl-iskor ta’ sitta b’wieħed.
Il-goals ta’ Malta ġew skorjati tnejn kull wieħed minn Matthew Borg u Martin Arrigo, u goal kull wieħed minn Jeremy Besancon u Karl Galea. Mark Stone skorja l-uniku goal għall-Irlanda.
Il-logħba għall-Alexandria Cup offriet spettaklu u kattret ir-relazzjonijiet eċċellenti bejn iż-żewġ klabbs fi sport li qed ikompli jogħla fil-livell tiegħu, grazzi wkoll għas-sostenn mill-Gvern, permezz ta’ EquestriMalta.
Bl-għajnuna ta’ din l-entità governattiva, qed tiżdied il-viżibilità tal-Malta Polo Club, waqt li jiżdiedu l-opportunitajiet għall-plejers lokali biex ikomplu jimirħu f’dan l-isport, inkluż b’numru ta’ inizjattivi f’pajjżina stess u anke barra.
Għal din l-okkażjoni, ġie inawgurat scoreboard ġdid mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ u r-Riċerka, Clifton Grima, fil-preżenza taċ-Ċermen u l-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta, John Huber u Max Zammit rispettivament.
Dan l-apparat, li kompla jgħolli l-profil tal-logħba u jagħti aktar spettaklu u viżibilità lill-ispettaturi, jaħdem bl-enerġija solari.
Il-Ministru Grima faħħar il-mod kif EquestriMalta qed tindokra l-isports marbut maż-żwiemel, inkluż li tkompli tgħolli l-isem u l-prestiġju tal-Malta Polo Club, li hu fost l-eqdem fid-dinja.
Hu enfasizza li l-Gvern se jkompli jsostni d-dixxiplini relatati, bħal diversi sports oħrajn.
EquestriMalta għandha rwol importanti ħafna f’dawk li huma d-dixxiplini ekwestri f’pajjiżna. Pajjiżna hu mogħni bi snin twal ta’ sports li huwa tradizzjonali u infatti l-Malta Polo Club hu wieħed mill-eqdem klabbs f’din id-dixxiplina fid-dinja kollha. U allura llum qed naraw proprju ċelebrazzjoni ta’ din is-sbuħija ta’ dan ix-xogħol li jsir bejn EquestriMalta u diversi dixxiplini sportivi.
Il-Ministru Clifton Grima