F’ħames snin l-imwiet b’rabta mal-kanċer naqsu bi ħdax fil-mija. Fl-elfejn u ħdax għal kull mitt elf persuna li kienu qed jiġġieldu ma’ din il-marda, kien hemm mitejn, sebgħa u erbgħin li tilfu ħajjithom.
Fl-elfejn u sittax, in-numru ta’ mwiet naqas għal mitejn, wieħed u għoxrin għal kull mitt elf.
Esperti fil-qasam qalu li raġuni ewlenija għal dan hi li aktar pazjenti qed ifiequ mill-kanċer tas-sider u mill-leukemia, il-kanċer fid-demm.
Il-kirurgu Gordon Caruana Dingli spjega ma’ ONE News li fattur ieħor għalfejn Malta tejbet is-suċċess fil-fejqan tal-kanċer kien ukoll il-kura li titfassal b’mod speċifiku għall-pazjent.
“Meta nitkellmu fuq cancer m’hemm ħaġa waħda li tagħmel id-differenza, hemm ħafna affarijiet. Aħna nippruvaw li pazjenti li għandhom sintomi ta’ cancer fid-dipartiment tal-kirurġija nippruvaw narawhom kemm jista’ jkun malajr ħalli nibdew it-testijiet u jekk il-pazjent ikollu problema nkunu nistgħu nibdew il-kura malajr. Mhux kulħadd jieħu l-istess kura, din tkun imfassla għall-individwu.” Stqarr Caruana Dingli.
Qal ukoll li l-kanċer tas-sider huwa l-aktar tip ta’ kanċer li ra rata ta’suċċess fil-fejqan f’Malta.
“Ftit xhur ilu l-Eurostat ħarġet statistika fejn in-nisa li għandhom breast cancer hawn Malta, wara ħames snin, sebgħa u tmenin minnhom ikunu għadhom ħajjin. Issa tgħidli kif tikkumpara ma’ pajjiżi barranin? Filfatt ir-riżultati tagħna f’din l-istatistika huma l-aħjar fl-Ewropa. Hemm pajjiżi oħrajn li għandhom riżultati kważi bħal tagħna imma filfatt aħna kburin ħafna li fil-breast cancer jidher li x-xogħol li qed nagħmlu qed ikun hemm suċċess.” Kompla jgħid.
Skont stħarriġ tal-Eurostat, il-medja ta’ fatalitajiet b’rabta mal-kanċer naqset bi ftit, u l-Istati Membri bl-anqas imwiet kienu Ċipru, il-Fillandja u Malta.
Fl-Ungerija ġew irreġistrati l-akbar ammont ta’ mwiet bi tliet mija, ħamsa u erbgħin persuna għal kull mitt elf ruħ.