Hekk kif il-poplu Ingliż iddeċieda li jtemm ir-relazzjoni twila tiegħu fi ħdan l-Unjoni Ewropea, Malta attirat numru akbar ta’ bastimenti u superyachts li xtaqu jtajru l-bandiera Maltija.
Dan għaliex huma bosta li xtaqu jkomplu jbaħħru b’bandiera li tirrappreżenta stat membru tal-Unjoni Ewropea.
Ir-reġistratur ġenerali tal-bastimenti merkantili u baħħara, Ivan Sammut spjega li Malta toffri servizzi marittimi varji li żgur mhux forsi jaqdu l-bżonnijiet tal-klijent u għaldaqstant, tagħmel lill-pajjiżna aktar attraenti minn pajjiżi oħra Mediterranji.
Sammut fisser: “Ir-raġuni għala jagħżlu Malta hija bbażata fuq il-livell ta’ servizz li jingħata minn Malta. Hija wkoll strateġija ħolistika marittima li ġiet adottata mill-awtorità u mill-Gvern li għandu viżjoni, li hemm stabbilità. Jiġifieri r-reġistru Malti huwa popolari għall-kwalità tiegħu, għar-reputazzjoni tiegħu, kif ukoll kif ukoll li joffri stabbilità.”
Fil-fatt minħabba Brexit, matul l-aħħar sena, Malta rat żieda ta’ sebgħa fil-mija fil-każ ta’ superyachts u tnejn fil-mija fil-każ ta’ bastimenti merkantili f’reġistrazzjonijiet fi ħdan ir-reġistru tal-bastimenti merkantili.
Huwa sostna: “Illum il-ġurnata aħna l-ikbar reġistru fil-fatt tas-super yachts fid-dinja minħabba li ħafna minn dawn il-jottijiet irreġistrati taħt il-bandiera Maltija, ir-raġuni ewlenija hija appuntu Brexit.”
Sammut qalilna Transport Malta ser tkompli tagħmel ħilitha biex tkompli tattira nies b’għożża lejn is-settur marittimu li għaldaqstant tfisser aktar opportunitajiet kbar għall-Maltin.
Huwa tenna: “Hemm opportunitajiet kbar. L-awtorità ser tkompli b’dan id-djalogu kontinwu mal-industrija biex inkomplu nkabbru dak li bnejna matul is-snin u barra minn hekk nattiraw ukoll lejn Malta nies ta’ ċertu kalibru li jkollhom added value fl-ekonomija Maltija.”
Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg sostna li bit-tisħiħ fl-awtoritajiet konċernati ser inkunu kapaċi nisffruttaw opportunitajiet ġodda bħalma hi dik ta’ Brexit.
Il-Ministru Borg tenna: “Il-Gvern huwa kommess illi qabel kollox ikompli jsaħħaħ l-istituzzjonijiet f’dan il-każ l-awtorità regolatorja Transport Malta illi ilha tagħmel biċċa xogħol tajba u qiegħda tkompli żżid anki f’opportunitajiet bħal dik ta’ Brexit. Importanti li l-Gvern jagħti l-għoddi, jagħti l-kunfidenza però jesiġi li biex nagħmlu s-suċċess ma nikkompromettux l-governanza t-tajba, il-kwalità, ir-reputazzjoni li għandha f’dan il-każ il-bandiera Maltija u dawn is-suċċessi qegħdin naraw li nirreplikawhom.”
Il-Ministru temm jgħid li l-istess storja ta’ suċċess qiegħda tinbena u tiġi riflessa fis-settur tal-avjazzjoni.