Il-World Dementia Council kellu kliem ta’ tifħir għal mod ta’ kif Malta miexja fil-qasam u saret talba sabiex Malta taqsam l-esperjenzi tagħha b’mod globali. Pajjiżna ġie mistieden ikun parti minn dan il-Kunsill u jieħu rwol attiv.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana aċċettat invit tal-Presidenza Olandiża u qed tattendi konferenza dwar id-dimensja – suġġett li se tkun trattata mit-trio tal-Presidenza Ewropea. Fil-laqgħat ġiet diskussa l-aġenda tad-dimensja waqt il-Presidenza Maltija.
Is-Segretarju Parlamentari spjegat li bħalissa għaddej proġett ta’ ‘Dementia-friendly communities’ li beda f’Diċembru li għadda, fejn San Lawrenz f’Għawdex ser ikun raħal sħiħ mħarreġ dwar id-dimensja.
Malta, flimkien ma’ pajjiżi oħra, hija promotur ta’ laqgħa ministerjali bħala parti mil-laqgħa ġenerali annwali tal-WHO li ser issir f’Ġinevra iktar tard dan ix-xahar.