Il-Logħba ta’ ħbiberija bejn Malta u r-Reppublika Ċeka spiċċat f’ wirja diżappuntanti għat-Tim Nazzjonali Malti hekk kif ħie megħlub bl-iskor ta’ 6-0 mal-finalisti tal-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew l-Euro 2016.
Iċ-Ċeki spiċċaw fil-vantaġġ mall-ewwel kwarta tal-logħba meta l-plejer ta’ Bordeaus Jaroslac Plasil skorja gowl mill-bogħod li laqat ukoll ras il-plejer Bjorn Kristensen qabel spiċċa fix-xibka. Kien biss sitt minuti wara l-ewwel gowl li ċ-Ċeki komplew iżidu l-vantaġġ għal tnejn b’ xejn meta Milan Skoda skurja gowl wara kross ta’ Krejci.
Ftit qabel it-tifsira tal-ewwel taqsima tal-logħba ċ-Ċeki skurjaw it-tielet gowl dan wara kross ta’ Plasil lil Roman Hubnik tefa l-ballun fix-xibka.
Fit-tieni taqsima l-Maltin taw wirja kemmxejn aħjar minn dik fl-ewwel taqsima hekk kif daħlu fl-iskwadra Ryan Camilleri, Paul Fenech u Michael Mifsud, madankollu f’ din it-taqsima ċ-Ċeki skurjaw tlett gowls oħra. Kien korner minn fuq il-lemin meta David Lafata ta’ daqqa ta’ ras lill-ballun li kien salvat mill gowlkijper Malti Henry Bonello, madankollu Lafata ma qatax qalbu u fit-tieni tentattiv tiegħu għeleb lil Bonello u għamilhom erbgħa.
Kien fil-wieħed u tmenin minuta iċ-Ċeki ziedu l-vantaġġ tagħhom għal ħamsa b’ xejn meta minn fuq ix-xellug Schick sab lil Tomas Necid li min-naħa tiegħu għeleb lil Bonello. Kienu fl-aħħar sekondi li Rowen Muscat kien ser jiskurja gowl minn konkluzjoni djagonali li għaddiet ftit barra. Kien fil-ħin miżjud li Patrick Schick skurja l-gowl finali għar-Reppublika Ċeka bir-riżultat finali ta’ 6-0.