- Ċertifikat b’saħħtu mill-Organizzazzjoni Ewropea Kontra l-Korruzzjoni dwar ir-riformi tal-Gvern Malti
L-Organizzazzjoni ta’ Kontra l-Korruzzjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa (GRECO) kellha kliem ta’ tifħir dwar numru ta’ liġijiet li għadda l-Gvern preżenti għal iktar trasparenza u għal iktar tisħiħ tal-istituzzjonijiet ewlenin, partikolarment fil-qasam tal-ġustizzja.
Dan, fi kliem il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici huwa ċertifikat ċar u b’saħħtu tal-bidla għall-aħjar li qed iġibu r-riformi li qed imexxi ’l quddiem dan il-Gvern.
F’żewġ rapporti separati, l-Organizzazzjoni Ewropea ta’ Kontra l-Korruzzjoni tkellmet b’mod pożittiv ħafna dwar tliet liġijiet jew riformi li kollha tmexxew ’il quddiem f’din l-amministrazzjoni u li diġà ddaħħlu fis-seħħ: il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti, ir-riforma kostituzzjonali dwar il-ħatra u d-dixxiplina tal-membri tal-ġudikatura, u t-titjib fl-Uffiċċju tal-Avukat Generali. L-Organizzazzjoni Ewropea ta’ Kontra l-Korruzzjoni kellha wkoll kliem pożittiv dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar Standards fil-Ħajja Pubblika li ġie approvat mill-Kamra tad-Deputati dan ix-xahar stess.
Dwar il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, l-Organizzazzjoni Ewropea ta’ Kontra l-Korruzzjoni iddeskriviet d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi fl-2016 bħala milestone u faħħret lill-Gvern talli ħa dan il-pass importanti biex tissaħħaħ it-trasparenza u l-kontabbiltà. Qalet li qabel ma daħlet fis-seħħ din ir-riforma kruċjali, ma kien hemm assolutament l-ebda trasparenza fejn jidħol il-finanzjament tal-partiti politiċi.
Dwar ir-riforma kostituzzjonali dwar il-ħatra u d-dixxiplina tal-membri tal-ġudikatura, l-Organizzazzjoni Ewropea ta’ Kontra l-Korruzzjoni qalet li din hija biċċa xogħol formidabbli. Faħħret lill-Gvern talli beda proċess ta’ konsultazzjoni vast dwar ir-riforma tal-ġustizzja li wassal f’bidliet fil-kostituzzjoni li daħlu fis-seħħ f’Awissu tal-2016. L-Organizzazzjoni Ewropea ta’ Kontra l-Korruzzjoni qalet li dawn ir-riformi kostituzzjonali saħħew l-indipendenza, l-imparzjalità u t-trasparenza tas-sistema ġudizzjarja, kif ukoll l-awto-regolamentazzjoni tal-professjoni. L-Organizzazzjoni Ewropea ta’ Kontra l-Korruzzjoni ddeskriviet it-twaqqif tas-Sotto Kumitat dwar il-Ħatra tal-Ġudikanti u s-Sotto Kumitat dwar id-Dixxiplina tal-Ġudikanti bħala kisbiet kbar f’dan ir-rispett.
Dwar it-tisħiħ fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-Organizzazzjoni Ewropea ta’ Kontra l-Korruzzjoni qalet li dan l-Uffiċċju jgawdi reputazzjoni tajba maċ-ċittadini Maltin u għandu track record ta’ indipendenza. Faħħret il-kodiċi ta’ etika li ġie addottat fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li fil-fehma tal-Organizzazzjoni se jippreżerva l-awtonomija u l-imparzjalità tas-servizz ta’ prosekuzzjoni.
Dawn ir-riformi, li pajjiżna kien ilu jistenna snin, ma waqgħux mis-sema u lanqas ma jsiru weħidhom, iżda huma frott viżjoni u teħid ta’ deċizjonijiet importanti.
Il-fatt li organizzazzjonijiet ewlenin jitkellmu b’mod tant pożittiv dwar dawn ir-riformi kuraġġużi huwa prova tal-ġid kbir li qed jinħoloq fil-pedamenti tad-demokrazija tagħna.
Il-Gvern se jkompli jmexxi ’l quddiem titjib u riformi għal istituzzjonijiet iktar b’saħħithom u pajjiż aħjar.
Ir-rapporti jistgħu jitniżżlu minn hawnhekk:
http://www.coe.int/en/web/greco/-/compliance-report-of-fourth-round-on-malta