Fil-Lussemburgu, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, għamel il-pożizzjoni soda ta’ pajjiżna favur il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex tiżdied il-preskrizzjoni f’reati ta’ abbużi sesswali, b’mod partikolari dawk li jinvolvu lit-tfal.
Waqt li attenda għall-Kunsill tal-Ministri Ewropej għall-Ġustizzja, fejn ġiet ittratta din il-proposta għad-direttiva fil-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali, il-Ministru Malti laqa’ l-armonizzazzjoni tal-qafas leġiżlattiv.
Dr Attard stqarr li l-abbuż u l-isfruttament sesswali, speċjalment meta jinvolvi t-tfal, huma reati gravi bi ħsara rriversibbli lill-vittmi.
Għaldaqstant qal li, b’mod ġenerali, Malta tilqa’ r-rispons b’saħħtu u effettiv propost mill-Kummissjoni, li jinkludi estensjoni tal-perjodi ta’ preskrizzjoni u anke jieħu inkonsiderazzjoni żviluppi bl-intelliġenza artifiċjali.
“Fost it-temi kien hemm il-proposta tal-Kummissjoni li tiġi rivalutata d-direttiva kontra l-abbuż sesswali u anke t-trattament sesswali tat-tfal. Hawnhekk ilqajna l-proposta li qed tagħmel il-Kummissjoni, għax nemmnu li hi waħda ambizzjuża li tindirizza b’mod effettiv diversi aspetti, l-aspett marbut mal-preskrizzjoni tar-reat, l-aspett tat-teknoloġija u anke l-intelliġenza artifiċjali.”
Hu nnota li l-liġijiet Maltin diġà jikkriminalizzaw materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal iġġenerat bl-Intelliġenza Artifiċjali, però tenna l-impenn ta’ Malta li taħdem fuq kwalunkwe tibdil biex ikompli jissaħħaħ il-qafas leġiżlattiv nazzjonali u b’hekk tkompli tittejjeb il-protezzjoni ta’ vittmi potenzjali f’dan ir-rigward.
Fuq l-aġenda tal-Kunsill tal-Ministri kien hemm ukoll dibattitu dwar il-proposta tal-Kummissjoni, li qed tipproponi regoli ġodda għar-rikonoxximent tal-istat ta’ ġenitur fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Attard fisser din id-diskussjoni bħala importanti u dan għax jittrattaw l-istabbiliment u r-rikonoxximent tal-istat ta’ ġenitur f’każi ta’ maternità surrogata f’sitwazzjonijiet transfruntieri.
Hu tenna li l-għan ta’ dan ir-regolament biex jiġu pprovduti salvagwardji adegwati li jsaħħu l-protezzjoni tat-tfal f’sitwazzjonijiet transkonfinali u li jiġi żgurat il-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom.
Il-Kunsill tal-Ministri inkluda wkoll it-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata, fost oħrajn.