Il-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea responsabbli mill-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, il-Kultura, u l-Isport, li qed jiltaqa’ f’dawn il-jumejn fi Brussell, approva dikjarazzjoni li tirrakkomanda toroq ’il quddiem għas-suċċess fl-edukazzjoni fl-Ewropa.
Dawn jinkludu li, sal-2025, tiġi żviluppata strateġija integrata u komprensiva li twassal għas-suċċess tal-iskola bil-ħsieb li tiġi promossa l-inklużjoni u jitnaqqas it-tluq bikri mill-edukazzjoni, u biex jingħata taħriġ lil dawk li ma jirnexxux fil-ħiliet bażiċi. Din l-istrateġija se tiġi żviluppata b’kooperazzjoni strutturata bejn il-partijiet interessati. Apparti dan, il-Kunsill approva wkoll konklużjoni dwar l-appoġġ għall-benesseri fl-edukazzjoni diġitali.
Malta qablet mal-importanza li tiġi ggarantita edukazzjoni ta’ kwalità u inklużiva għal kulħadd u qed tappoġġja l-offerta għal aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex ikunu huma li jsawru l-futur tal-Ewropa. Malta osservat ukoll li edukazzjoni ta’ kwalità għolja u inklussiva għandha ttejjeb l-opportunitajiet li qed iġġib magħha t-trasformazzjoni diġitali biex tappoġġja l-benesseri tal-istudenti u wkoll tal-istudenti f’ambjent ta’ tagħlim diġitali.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li fil-laqgħa tal-Kunsill ngħatat ħarsa lejn dak li qed jiġri fil-kontinent fil-qasam eduukattiv , speċjalment minħabba l-effett tal-kriżi fl-Unjoni marbuta mal-gwerra fl-Ukrajna.
Huwa saħaq fuq l-importanza li Malta tagħti lill-edukazzjoni sħiħa, li trawwem il-ħiliet neċessarji fil-ħajja tal-lum u li tipprepara lill-istudenti mhux biss fl-aspett akkademiku imma wkoll f’dak tal-ħiliet meħtieġa fid-dinja biex kulħadd jasal għall-iżvilupp sħiħ tiegħu.