Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said attendiet għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej għall-Agrikoltura u s-Sajd li nżammet ġewwa l-Lussemburgu. Waqt il-laqgħa ġew diskussi diversi temi, fosthom ir-riċerka dwar l-istokk tat-tonn li ħareġ mill-eżerċizzju xjentifiku tal-Kumitat Permanenti għar-Riċerka u l-Istatistika (SCRS), fi ħdan il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT).
Minn din ir-riċerka ġie stmat li kien hemm titjib fl-ammonti tal-istokk tat-tonn. Dwar dan, Dr Bugeja Said fakkret li Malta kienet enfasizzat dwar il-ħtieġa li jitlesta dan l-eżerċizzju xjentifiku li huwa tant importanti sabiex jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji. Kompliet li Malta hija sodisfatta li l-isforzi ta’ konservazzjoni tat-tonn matul dawn l-aħħar snin kienu ta’ suċċess u wasslu għal dan ir-riżultat.
Waqt id-diskussjoni ġie enfasizzat ukoll li dan il-parir xjentifiku li joħroġ minn din ir-riċerka għandu jiġi rispettat. Għaldaqstant tressqet proposta li tappella lill-Kunsill sabiex japprova l-proposti tal-SCRS fi ħdan l-ICCAT, li jwasslu għal żieda sinifikanti fil-kwota tat-tonn maqbud.
Is-Segretarju Parlamentari tenniet li Malta tappoġġja din il-proposta għaliex hija ġustizzja ma’ dawk is-sajjieda li għamlu tant sagrifiċċji, kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali, matul dawn l-aħħar snin.
Fil-konklużjoni tagħha, Dr Bugeja Said appellat ukoll biex is-sitwazzjoni fost il-pajjiżi kollha li jistadu għal din l-istess speċi tiġi armonizzata. Dan sabiex jiġi assigurat li l-iżgħar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea jkollhom proporzjoni ekwa tal-kwota, mingħajr ma tiġi mhedda l-istabbiltà futura tas-sajjieda.