Malta qed tappoġġja bi sħiħ inizjattiva xprunata minn diversi pajjiżi minn madwar id-dinja, sabiex ikun hemm aktar negozjati bejn Iżrael u l-grupp Hamas, bil-għan li jkun hemm waqfien mill-ġlied f’Gaza, waqt li jkun hemm ukoll il-ħelsien tal-ostaġġi.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Ian Borg, f’kitba fuq il-pjattaforma soċjali X.
F’din il-kitba, Dr Ian Borg tenna li Malta tappoġġja bi sħiħ din it-talba li qed issir mill-Istati Uniti, l-Eġittu u l-Qatar.
Fi stqarrija, dawn it-tliet pajjiżi talbu kemm lil Iżrael u anki l-Hamas biex ikomplu n-negozjati bejn iż-żewġ naħat nhar il-ħmistax ta’ Awwissu, jew fil-Kajr jew f’Doha, bil-għan li jkun hemm ftehim bejniethom.
Intqal li fl-aħħar xhur kien hemm ftehim dwar qafas leġiżlattiv u jinsab fuq il-medja tan-negozjati, iżda issa baqgħu neqsin id-dettalji dwar kif dan se jkun implimentat.
B’rabta ma’ dawn in-negozjati, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li pajjiżu se jkun qed jibgħat delegazzjoni għal dawn il-laqgħat kruċjali, bil-għan li twaqqaf il-gwerra fil-Lvant Nofsani, li bdiet fis-sebgħa ta’ Ottubru li għadda.
Tul din il-gwerra tilfu ħajjithom kważi sebgħa u tletin elf Palestinjan, bil-maġġoranza tagħhom huma nisa u tfal. Dan filwaqt li kważi tnejn u disgħin elf persuna weġġgħu permezz tal-attakki kemm minn Iżrael u anki mill-grupp Hamas.
Pajjiżna kien minn tal-ewwel li fl-istituzzjonijiet internazzjonali, fosthom dawk Ewropej, talab sabiex ikun hemm il-paċi fil-Lvant Nofsani. Malta waslet dan il-messaġġ anki permezz tal-Presidenza li għandha din is-sena tal-OSCE, l-akbar organizzazzjoni reġjonali għas-sigurta u l-koperazzjoni u anki permezz tas-siġġu mhux permanenti li għandu pajjiżna fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda.