Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li Malta tat is-sostenn tagħha lil direttiva tal-Unjoni Ewropea li tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa b’mod partikolari permezz ta’ intermedjarji biex kumpaniji kbar jevadu t-taxxa.
Id-direttiva li hija l-aħħar minn sensiela ta’ miżuri li jiġġieldu l-evażjoni tat-taxxa tpoġġi piz kbir fuq konsulenti tat-taxxa, accountants u avukati li jippromwovu skemi ta’ ppjanar ta’ taxxi biex jirrapportaw skemi li jitqiesu bħala aggressivi ħafna.
F’kummenti ma’ ONE NEWS, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna li qed jattendi għall-Kunsill tal-Ministri fi Brussell qal li Malta wriet li bħal pajjiżi l-oħrajn kollha hija kontra li tabbuża mir-reġim tat-taxxa.
Spjega li l-istati membri ftehmu li se jagħmluha illegali għall-banek, accountants u intermedjarji oħrajn li jagħtu pariri li b’mod aggressiv jevitaw it-taxxa.
Qal li Malta qablet ma’ dan il-prinċipju u sabet kompromess waqt li ħarset l-interessi ta’ pajjiżna iżda fl-istess waqt għamlet il-pożizzjoni tagħha ċara kontra l-evażjoni tat-taxxa.
Fl-istess nifs Malta flimkien ma’ sitt pajjiżi oħrajn pprotestat mal-kummissjarju Moscovic li dan hu l-mod kif għandna nimxu u mhux billi ntgħajru. Qal li dan il-messaġġ wasal ċar għax is-sebgħa membri li ssemmew għal xejn b’xejn wasslu l-messaġġ tagħhom.