Malta appellat lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżġura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għal kulħadd fl-Ewropa.
Dan l-appell għamlitu l-Ministru tal-Enerġija, Miriam Dalli, waqt laqgħa urġenti tal-Ministri tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea, li ltaqgħu fi Brussell it-Tnejn.
Il-Ministru Miriam Dalli sostniet li s-sigurtà tal-enerġija għandha importanza b’mod partikolari fil-każ ta’ gżejjer li m’humiex magħquda mal-grilja tal-enerġija Ewropea. Hija saħqet ukoll li, f’każijiet fejn ikun hemm periklu għall-provvista tal-elettriku, għandu jkun hemm solidarjetà mingħajr ebda distinzjoni.
Il-Ministru Dalli qalet li Malta tappoġġja azzjoni kkordinata f’dawn iċ-ċirkostanzi partikolari u saħqet fuq l-importanza li jiżdiedu l-investimenti fl-enerġija rinnovabbli. Ħeġġet bil-qawwa lill-Kummissjoni Ewropea biex tgħaddi l-fondi għat-teknoloġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, partikolarment fil-Mediterran. Qalet ukoll li din l-infrastruttura għandha tkun lesta għall-idroġenu.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li, fid-dawl tas-sitwazzjoni internazzjonali, issa aktar minn qatt qabel hu importanti li l-Istati membri jkunu magħquda mal-grilja Ewropea tal-enerġija, inkluż għall-gass u, eventwalment, għall-idroġenu.
Hija ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-isfidi tal-enerġija f’pajjiżna huma akbar minħabba li Malta hija gżira, u qalet li t-tfixkil fis-suq tal-enerġija qed jaffettwa l-ispejjeż tal-merkanzija, li jwassal għal prezzijiet ogħla.
Il-Ministru Dalli spjegat kif il-kwistjoni tiggrava n-nuqqas ta’ għażla ta’ modi differenti ta’ trasport għan-negozji Maltin, minħabba li l-materja prima kollha trid tiġi importata.