Il-Politika ta’ Koeżjoni l-ġdida li se titfassal għas-snin 2027 ‘il quddiem għandu jkollha mekkaniżmu li janalizza l-mod li bih kwalunkwe direttiva, regolament, politika ġdida jaffettwa reġjuni partikolari u Stati Membri żgħar bħal Malta. Stqarr dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, il-Protezzjoni tal-Konsumatur u d-Djalogu Soċjali Chris Fearne waqt laqgħa tal-Ministri Ewropej responsabbli mill-Politika ta’ Koeżjoni f’ Mons, fil-Belġju.
“Malta tixtieq tara iżjed sensittività għall-bżonnijiet differenti tar-Reġjuni Ewropej, jekk irridu nassiguraw li l-Politika tal-Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea ma tpoġġix Stati partikolari f’ żvantaġġ jew tikkawża iżjed ħsara, għalkemm mhux intenzjonata, milli ġid,” qal Chris Fearne li ġab diversi eżempji prattiċi ta’ kif Malta, u stati żgħar oħra, jsibuha diffiċli jimplimentaw miżuri mfassla għal pajjiżi kbar. Għaldaqstant appella għal Regional Impact Assessment iżjed b’ saħħtu f’kull deċiżjoni meħuda mill-Unjoni.
Tul din il-laqgħa, il-Ministri u rappreżentanti Ewropej tkellmu dwar il-viżjoni strateġika u l-prijoritajiet ewlenin li fuqhom għandha titfassal il-Politika ta’ Koeżjoni li jmiss u kif ukoll modi kif l-implimentazzjoni ta’ din il-Politika għandha tissimplifika ruħha u ssir iżjed flessibbli u aċċessibbli għall-Membri Stati. Din id-diskussjoni saret ukoll qabel il-pubblikazzjoni tad-disa’ Rapport ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.