“Irridu naġixxu b’impenn komuni biex nindirizzaw u nnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija għall-benefiċċju taċ-ċittadini u n-negozji kollha tagħna.” Sostna dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg fil-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali fil-Lussemburgu li qed jipprepara għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li se ssir aktar tard din il-ġimgħa.
Il-Ministru Borg qal, “Minħabba l-fatt li aħna fost il-grupp li qed jitlob l-introduzzjoni ta’ limitu massimu tal-prezz tal-gass, se nkunu qed nanalizzaw bir-reqqa d-dettalji tal-proposti tal-Kummissjoni. Dan il-pakkett jeħtieġ li jkollu impatt fuq l-istati membri kollha. F’dan ir-rigward, nafu li hemm pożizzjonijiet diverġenti, u l-kwistjoni hija teknikament kumplessa ħafna, iżda żgur li permezz ta’ djalogu u għaqda bejn l-istati membri dan għandu joħloq modi u soluzzjonijiet effettivi.”
Apparti l-kwistjoni tal-prezzijiet għoljin tal-gass, il-Kunsill Ewropew se jkun qed jindirizza kwistjonijiet relatati mal-gwerra fl-Ukrajna, fosthom is-sigurtà tal-ikel, kif ukoll dwar relazzjonijiet esterni. Il-kapijiet tal-istati u l-gvern se jkunu qed iħejju l-preparamenti għas-Summit UE-ASEAN f’Diċembru li ġej u l-COP 27 li se jkun qed isir fis-Sharm El Sheikh, fost oħrajn.
Dwar l-Ukrajna u l-attakki diskriminatorji ta’ persuni u infrastruttura ċivili, il-Ministru Borg tenna l-messaġġ li wassal fil-Kunsill għall-Affarijiet Barranin favur l-għaqda tal-Unjoni Ewropea u l-koordinazzjoni ta’ sħab tal-istess fehma.
Huwa tenna li Malta qed tħares ’il quddiem għall-preparamenti tas-Summit UE-ASEAN f’Diċembru u se tara li ssaħħaħ il-kooperazzjoni f’varjetà ta’ oqsma bħall-konnettività, l-irkupru wara l-pandemija, il-klima, il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli għar-reġjun inġenerali. Dr Borg fakkar ukoll dwar l-importanza ta’ preparamenti min-naħa tal-UE għal COP 27.
Il-Ministri tal-GAC kellhom dibattitu politiku dwar il-proposta tal-liġi elettorali u diskussjoni estensiva dwar is-segwitu tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Dr Borg saħaq li dan l-eżerċizzju qatt ma kien dwar l-istituzzjonijiet. “Iċ-ċittadini Ewropej, il-familji Ewropej u n-negozji Ewropej għandhom jibqgħu fil-qalba tal-eżerċizzju”. Il-biċċa l-kbira tal-ministri esprimew kawtela fir-rigward tal-għaġla għal eżerċizzju ta’ Bidla fit-Trattat, u żiedu jgħidu li kien hemm ħafna aktar kwistjonijiet urġenti fuq l-aġenda tal-UE bħalissa.
Fost laqgħat oħra, il-Ministru Borg iltaqa’ wkoll mas-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej tal-Portugal Tiago Antunes u mas-Segretarju tal-Istat Spanjol għall-Unjoni Ewropea Pascual Ignacio Navarro Rios. Huma ddiskutew l-interess komuni bejn il-pajjiżi rispettivi fir-rigward ta’ sfidi u l-opportunitajiet tal-Viċinat tan-Nofsinhar tagħna, u dwar il-ħtieġa li jittejbu l-interkonnessjonijiet tal-enerġija tal-UE.