“Irridu Malta tal-opportunitajiet, b’aktar investiment u stabbiltà.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’attività politika oħra ta’ nhar ta’ Ħadd filgħodu, li din il-ġimgħa saret fil-Limestone Heritage fis-Siġġiewi.
Quddiem folla sabiħa ta’ nies, Robert Abela saħaq kif din il-ġimgħa li ntemmet, kienet oħra li uriet ir-riżultati tad-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-aqwa interess tal-Għawdxin u l-Maltin.
Fil-fatt hawnhekk huwa qasam esperjenza li kellu waqt żjara li għamel f’kumpanija lokali, fejn semma żewġ eżempji ta’ Maltin li bdew minn apprentisti u llum ’il ġurnata jmexxu tim ta’ nies. Dan sar frott bidliet inċentivati mill-Gvern u grazzi għall-politika tad-deċiżjonijiet ta’ dan il-Gvern dawn illum għandhom serħan il-moħħ.
“Hemm ħafna inċertezza madwar id-dinja, però dawn il-ħaddiema minflok qed jgħixu fl-inċertezza, qed jgħixu fl-entużjażmu li f’Malta qed jaraw futur għalihom u għall-familja tagħhom. Dawn ir-riżultati huma frott bidliet li huma inċentivati mill-Gvern li jassiguraw il-futur ta’ tant ħaddiema u l-familji tagħhom. U għalhekk meta xi ħadd ibellalkom li l-politika ma tagħmilx differenza fil-ħajja tan-nies huma dawn l-esperjenzi reali li turi kif il-politika tagħmel differenza.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Malta li toffri l-opportunitajiet, u għalhekk ma naqasx li l-Prim Ministru jsemmi il-qasam tal-edukazzjoni.
Fil-fatt din il-ġimgħa stess żar l-investiment massiċċ li sar fl-Università̀ ta’ Malta fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, li jifforma kullana ta’ proġetti b’investiment ta’ erbgħin miljun ewro.
Dr. Abela saħaq ukoll li dan il-Gvern jemmen fl-istitut tal-isnajja, li għaddej xogħol b’saħħtu fuqu biex jinfetaħ, biex b’hekk jintlaħqu l-aspirazzjonijiet ta’ kulħadd. Ma naqasx li jsemmi wkoll kif wasal fl-aħħar fażi tiegħu proċess ta’ diskussjonijiet sabiex f’pajjiżna jibda jsir kors għall-veterinarji.
Iżda sabiex dan il-Gvern jibqa’ joffri l-opportunitajiet u joħloq l-investiment, il-Prim Ministru qal li l-poplu Malti u Għawdxi jrid jipparteċipa fil-proċess demokratiku u jagħżel il-politika li toffri s-soluzzjonijiet.
“L-għażla mhijiex jekk l-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju hux se ssir jew le, dik se ssir żgur. L-għażla hija jekk aħna hux se nmorru u nipparteċipaw dakhinar, dwar jekk hux se nkunu aħna li niffurmaw it-teħid tad-deċiżjonijiet għall-futur ta’ pajjiżna. Għalhekk is-sejħa tiegħi llum, ejjew inthom li tridu twasslu xi messaġġ, aħna qegħdin hawn biex nisimgħukom u biex noffru s-soluzzjonijiet.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Robert Abela temm id-diskors tiegħu b’messaġġ ta’ Gvern u Partit li joffru stabbiltà u kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.
“Id-direzzjoni li se nmexxu l-quddiem aħna hija direzzjoni ta’ opportunitajiet u mhux qtiegħ il-qalb, direzzjoni ta’ għajnuna u mhux awsterità, direzzjoni ta’ paċi u mhux gwerer, politiċi għan-nies u mhux in-nies għall-politiċi, għax hekk biex nagħmlu komunitajiet isbaħ għaliex hekk nibqgħu ngħinu lill-pensjonanti hekk nibqgħu ngħinu lill-familji hekk nibqgħu noffru futur isbaħ għall-pajjiżna, hekk ‘Insaħħu Malta Tagħna’.”
Il-Prim Ministru Robert Abela