Dwar DLT l-Ewropa għandha mistoqsija waħda xi twieġeb, jew li tmexxi jew li ssegwi. Malta għażlet li tmexxi – Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri jindirizza Fintech and Digital Innovation Regulation Conference fi Brussell.
Meta kien qed jindirizza l-konferenza bit-tema Fintech and Digital Innovation Regulation fi Brussell is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri ppreżenta d-deċiżjoni li ħa pajjiżna, dik li jħaddan it-teknoloġija u taddotta qafas leġiżlattiv f’qasam li preżentament għadu mhux irregolat. Schembri spjega t-twaqqif t’Awtorità ġdida, Malta Digital Innovation Authority li se tkun responsabbli miċ-ċertifikazzjoni u superviżjoni ta’ arranġamenti teknoloġiċi.
‘Malta qed taħdem biex tkun minn ta’ quddiem nett f’dan il-qasam u tkun ta’ ċentru għal negozji f’dan is-settur’ qal Schembri filwaqt li rrefera għall-Att dwar Virtual Currency li jaqa’ taħt l-MFSA u li se jirregola Initial Coin Offerings u dawk li joffru servizz f’dan is-settur. Silvio Schembri qal li l-mira hi li permezz tal-qafas regolatorju Malta qed tara li tagħti protezzjoni lill-investitur, tikseb suq integru u stabilità. Kien innutat li b’mod ġenerali fuq livell Ewropew hemm domanda għal approċċ ibbilanċjat fejn għandu x’jaqsam irregolar fil-qasam ta’ Fintech u innovazzjoni diġitali.
Fil-konferenza ġew diskussi r-riskju u benefiċċji dwar innovazzjoni teknoloġika. Parteċipanti partikolarment regolaturi u dawk li jfasslu l-politika emfasizzaw fuq l-importanza ta’ irregolar bilanċjat fejn tingħata protezzjoni lill-investitur f’ambjent li ma jwaqqafx l-innovazzjoni. Il-Kummissarju Ewropew għall-Ewro u d-Djalogu Soċjali Valdis Dombrovskis stqarr li l-Kummissjoni qed issegwi mill-qrib l-iżviluppi fil-qasam Fintech tant li fil-futur se tkun qed tħabbar pjan t’azzjoni li se jagħti indikazzjoni ċara ta’ x’inhi t-triq ‘il quddiem għas-suq intern Ewropew.
Intant, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri kellu għadd ta’ laqgħat informali ma’ istituzzjonijiet u parteċipanti tal-industrija.