Il-Gvern Malti ta aktar minn mija u ħamsa u tletin elf doża tal-vaċċin kontra l-Coronavirus lill-poplu tal-Ghana, f’turija ta’ solidarjetà mal-pajjiżi fil-bżonn, b’mod speċjali dawk Afrikani.
Illum waslet f’Accra titjira speċjali diretta tal-Air Malta lejn il-Ghana, ikkordinata mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.
Fl-ajruport kien hemm il-Kummissarju Għoli ta’ Malta għall-Ghana li kkordina l-wasla u t-tqassim tal-vaċċin.
Malta ilha għaddejja b’kampanja ta’ donazzjonijiet ta’ dożi tal-vaċċin għal numru ta’ xhur, fejn sa issa ngħataw kważi tliet mija u erbgħin elf doża tal-vaċċin, fosthom lejn il-Libja, l-Eġittu u r-Rwanda.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ingħad kif diversi pajjiżi m’għandhomx aċċess għat-tilqim u ġie mtenni l-impenn ta’ Malta li tindirizza din id-distribuzzjoni mhux ugwali għaliex il-pandemija ma tistax tkun taħt kontroll qabel jitlaqqmu kemm jista’ jkun nies.