Malta għamlitha għall-finali tal-Eurovision f’Tel Aviv wara prestazzjoni mill-aqwa mill-kantanta żagħżugħa Għawdxija Michela Pace bil-kanzunetta Chameleon.
Waqt is-serata tal-lejla kkwalifikaw għaxar pajjiżi fosthom l-Albanija, l-Iżvezja, ir-Russja, in-Norveġja, id-Danimarka, l-Azerbaijan, l-Olanda u l-Maċedonja ta’ Fuq.
B’hekk Malta flimkien mad-disa’ pajjiżi li għaddew illejla se jkunu qed jingħaqdu mal-għaxar finalisti tal-ewwel semi finali li huma; il-Greċja, il-Belarus, is-Serbja, Ċipru, l-Estonja, ir-Repubblika Ċeka, l-Awstralja, l-Islanda, San Marino u l-Islovenja. Dawn se jingħaqdu wkoll flimkien mal-ħames pajjizi li jikkwalifikaw b’mod awtomatiku għall-finali; l-Italja, Spanja, l-Ingilterra, Franza u l-Ġermanja kif ukoll l-pajjiz li rebaħ il-Eurovision tas-sena li għaddiet, l-Iżrael.
Kien wara taqtigħ ta’ qalb li l-preżentaturi għajtu l-għaxar pajjiż li kkwalifika, li proprju kienet Malta, b’Michela tidher emozjonata għall-aħħar bl-aħbar.
Michela tat prestazzjoni mill-aqwa li paxxiet lil kull min segwiha b’vuċi mill-isbaħ. Il-finali issa mistenni jkun is-Sibt li ġej.
Intant fi tweet fuq Twitter il-Prim Ministru Joseph Muscat feraħ għal Michela, għal din il-kisba tant sabiħa.
That was tense! Well done @MichelaMusic -JM #eurovision
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) May 16, 2019