Pajjiżna rreġistra progress qawwi f’dak li għandu x’jaqsam mal-indiċi għall-ugwaljanza bejn is-sessi.
Skont l-indiċi tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, pajjiżna jikseb punteġġ ta’ 65 minn 100, li xorta jfisser li għadna ftit taħt il-medja iżda jfisser ukoll titjib ta’ iktar minn għaxar punti mill-punteġġ tal-2010.
Il-punteġġ mogħti għal Malta issa huwa wkoll 1.6 iżjed mill-2018.
Mill-2010 sal-lum, Malta avvanzat ħames postijiet fl-indiċi għall-ugwaljanza bejn is-sessi.
Mill-2019 għall-2018, Malta kienet il-ħames l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li avvanzat.
L-aktar li pajjiżna mar tajjeb f’dan l-indiċi tal-Istitut Ewropew huwa fil-qasam tas-saħħa.
Hawnhekk pajjiżna kiseb punteġġ ta’ 92.3 minn 100.
Dan il-punteġġ għoli poġġa lil Malta fil-qasam tas-saħħa fit-tieni post fost l-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
Malta imbagħad ġiet l-ewwel fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea fejn jidħol l-aċċess għal servizzi tas-saħħa, b’punteġġ ta’ 99.8 minn 100.
Fil-qasam tax-xogħol pajjiżna wkoll irreġistra titjib.
Fil-fatt fl-2010, il-punteġġ kien ta’ 65.1 u fl-2019 il-punteġġ tela’ għal 76.8.
Din il-qabża fissret li fil-qasam tax-xogħol, mit-23 post, Malta qabżet fil-ħames post fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
B’rabta mat-titjib fl-indiċi għall-ugwaljanza bejn is-sessi, il-Ministru għall-Ugwaljanza Owen Bonnici nnota li l-miżuri tal-Gvern Malti biex jindirizzaw l-ugwaljanza qed iħallu r-riżultati u l-Gvern se jibqa’ jaħdem għall-futur aħjar.
Malta has increased a total of 1.6 points and improved its ranking in the @eurogender #GenderEqualityIndex for 2021.
— •Owen Bonnici (@OwenBonnici) October 28, 2021
Malta’s efforts in gender equality have been paying off with an improvement in most of the domains. We will keep working hard towards a better future.🇲🇹
Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv tad-Drittijiet tan-Nisa, Claudette Abela Baldacchino faħħret l-isforzi ta’ Malta fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi.
Abela Baldacchino qalet li għalkemm għad irid isir ħafna xogħol, ġew rikonoxxuti l-isforzi għall-ugwaljanza bejn is-sessi f’Malta u dan jawgura tajjeb għall-ħidma li għandna quddiemna għax-xhur li ġejjin.
Hija stqarret: “Il-ħidma li qed titwettaq fil-qasam tal-ugwaljanza qed tiġi rikonoxxuta. Ninnutaw b’sodisfazzjon illi dan ir-rikonoxximent kompla jikber meta żidna fil-punti perċentwali fl-indiċi tal-ugwaljanza u għolejna ’l fuq fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Ninnutaw sodisfazzjon akbar li l-punteġġ ta’ Malta huwa l-ogħla fil-qasam tas-saħħa fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Jiġifieri qegħdin ngħidu illi l-qasam tas-saħħa kien it-tema.”
Iċ-Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv tad-Drittijiet tan-Nisa saħqet li qed tħares ’il quddiem sabiex f’ħidma kontinwa mal-Kunsill li tmexxi u l-partijiet kollha kkonċernati, jiġi żgurat li l-kwistjonijiet tal-ġeneru u d-drittijiet tan-nisa jibqgħu fuq quddiem fl-aġenda tal-Gvern.