Malta tappoġġja bis-sħiħ kwalunkwe inizjattiva li tiffaċilita l-koperazzjoni ekonomika u l-kummerċ ħieles, u temmen li sforzi bħal dawn huma partikolarment importanti fi żmien meta l-kummerċ internazzjonali u t-tkabbir ekonomiku globali qegħdin jiġu mhedda minn miżuri protettivi li jheddu l-progress miksub f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin”, saħaq il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela waqt konferenza li saret illum dwar iċ-China International Import Expo li se tkun organizzata f’Shanghai f’Novembru li ġej.
Il-Ministru Abela fakkar li Malta u ċ-Ċina gawdew minn relazzjoni ta’ ħbiberija minn mindu ġew stabbiliti l-kuntatti diplomatiċi fl-1972, meta Malta kienet waħda mill-ewwel pajjiżi Ewropej li stabbilixxew relazzjonijiet politiċi maċ-Ċina. Matul is-snin, ir-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kummerċjali bilaterali bejn Malta u ċ-Ċina żviluppaw b’mod kostanti.
Malta laqgħet u kompliet trawwem din il-ħbiberija, li offriet diversi benefiċċji liż-żewġ pajjiżi f’varjetà ta’ oqsma. Dan ir-rapport pożittiv ikkontribwixxa għall-ħolqien ta’ atmosfera ta’ għarfien u rispett reċiproku bejn iż-żewġ gvernijiet, li wassal għal qafas ta’ kooperazzjoni bejn il-popli tagħna.
Il-Ministru Abela kkonkluda d-diskors tiegħu billi awgura lill-gvern taċ-Ċina fil-ħidma tiegħu marbuta mal-organizzazzjoni taċ-China International Import Expo, kif ukoll għall-isforzi li qiegħed jagħmel biex jippromwovi l-kummerċ ħieles u t-tkabbir ekonomiku, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll dak globali.