Rapport awtorevoli dwar is-sigurtà fid-dinja, ikklassifika lil Malta bħala t-tieni l-aktar pajjiż sigur fid-dinja.
L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-World Risk Report, rapport li joħroġ kull sena mill-Istitut għall-Ambjent u s-Sigurtà tal-Bniedem mill-Università tan-Nazzjonijiet Magħquda għal darb’oħra kklassifika lil Malta bħala t-tieni l-aktar pajjiż sigur f’dawk li huma diżastri naturali. Kien biss il-Qatar li ġie kklassifikat f’pożizzjoni aħjar minn Malta.
Ir-rapport jgħid li waqt li l-probabbiltà għall-Maltin li jispiċċaw vittmi ta’ diżastru naturali hija anqas minn wieħed fil-mija (0.57%), persuni li jgħixu fuq il-gżira ta’ Vanuata għandhom 50% probabbiltà li jispiċċaw vittmi ta’ xi terremot jew diżastru naturali ieħor.
Ir-rapport jgħid li kemm Malta u kemm il-Qatar ftit li xejn huma esposti għal terremoti u għargħar u li l-pajjiż u l-infrastruttura tiegħu huma mħejjija biex jilqgħu għal dawn id-diżastri naturali.
L-indiċi jikkalkula r-riskju tad-diżastri skont kemm il-pajjiżi huma esposti għal diżastri naturali bħalma hija n-nixfa, maltempati u għargħar, u livell tagħhom ta’ vulnerabilità.
Jingħad li dawn tal-aħħar jiddependu minn fatturi bħalma hi n-nutrizzjoni, l-infrastruttura pubblika, il-kura għas-saħħa, il-governanza, il-livell ta’ edukazzjoni u l-qagħda ambjentali.