Minn fost l-Istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea, Malta hija t-tieni l-aktar pajjiż li jattira t-turisti matul is-sena kollha. Qabel Malta hemm biss il-Finlandja.
Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT.
Dawn il-figuri tal-EUROSTAT juru s-sitwazzjoni tas-sena li għaddiet, bl-akbar numru ta’ turisti madwar il-pajjiżi Ewropej ikun f’Lulju u f’Awwissu.
It-turiżmu f’pajjiżna f’Lulju tas-sena li għaddiet kien 13.8 fil-mija tal-għadd totali tat-turisti li ġew f’pajjiżna matul dik is-sena. Dan filwaqt li f’Awwissu t-turiżmu kien iżjed minn 17 fil-mija tat-turisti li ġew f’Malta matul is-sena.
Fl-għaxar xhur l-oħra, it-turiżmu baqa’ għaddej, hekk kif ġew 69 fil-mija mit-total tat-turisti li żaru pajjiżna s-sena li għaddiet.
Ir-rata ta’ pajjiżna tisboq sew ir-rata medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għax-xhur l-oħra tas-sena, apparti Lulju u Awwissu, hekk kif din hija ta’ 57 fil-mija.
Pajjiżi bħall-Italja u Franza għandhom rata ta’ madwar 52 u 53 fil-mija rispettivament.
Dan filwaqt li l-Kroazja kellha aktar minn żewġ terzi tat-turisti li marru hemm fix-xhur ta’ Lulju u Awwissu.
Minn dawn iċ-ċifri tal-EUROSTAT ħareġ ukoll li aktar minn nofs l-akkomodazzjonijiet ġew ibbukkjati fil-Belt Valletta. Dawn ġew ibbukkjati minn siti online tal-ivvjaġġar.