Malta għandha t-tielet l-ogħla rata ta’ testijiet għall-Coronavirus fid-dinja.
Tixhed dan statistika mit-Times bbażata fuq informazzjoni mill-pjattaforma bl-isem Our World in Data, li tinkludi r-rata ta’ testijiet għall-Covid-19 f’57 pajjiż madwar id-dinja.
Din l-istatistika turi kif għal kull elf persuna f’pajjiżna qed isiru t-testijiet fuq kważi 39 persuna. Fil-fatt sa’ issa f’Malta saru 19,121 test għall-Coronavirus.
B’din iċ-ċifra minn madwar id-dinja kollha, huma biss l-Iżlanda u l-Lussemburgu li jagħmlu iktar testijiet.
L-Iżlanda huwa l-aktar pajjiż li qed jagħmel testijiet għall-Coronavirus. Għal kull elf persuna f’dan il-pajjiż qed isiru ftit aktar minn mitt test.
Isegwi l-Iżlanda hemm il-Lussemburgu hekk kif hemmek ma’ kull elf persuna, 48 persuna jesperjenzaw test għall-Coronavirus.
Hekk kif Malta klassifikat fost l-iktar pajjiżi fid-dinja li qed jagħmlu testijiet għal dan il-virus hemm iktar ċans li negħlbu din il-pandemija u noħorġu minn din is-sitwazzjoni f’qasir żmien.
Fil-fatt id-direttur ġenerali tal-Għaqda Dinija tas-Saħħa Tedros Adhanom Ghebreyesus spjega li din il-pandemija ma tistax titwaqqaf qabel ma ngħarfu min qed jiġi nfettat.
Malta kisbet dan ir-riżultat pożittiv grazzi għall-investiment tal-Gvern fis-sistema tas-saħħa. Fost oħrajn żdiedet il-kapaċità tat-testijiet f’pajjiżna hekk kif għal dawn l-aħħar jiem kienu qed isiru aktar minn elf test kuljum. Dan permezz ta’ erba’ ċentri ta’ testijiet; f’Mater Dei, Ħal Luqa, fil-Luxol u fix-Xewkija,Għawdex.
Dan filwaqt li l-Gvern investa f’apparat robotiku li kapaċi jipproċessa sa 800 test kuljum. B’hekk ir-riżultati tat-testijiet joħorġu aktar malajr sabiex kuljum jibqa’ jiżdied l-ammont ta’ testijiet li jsiru f’pajjiżna.