Il-baġit soċjali mressaq mill-Gvern ilbieraħ filgħaxija ma setax ikun manifestazzjoni aħjar tal-ħidma ċara u qawwija favur soċjetá aktar ġusta li qed jagħmel il-Partit Laburista, li b’għeruq soċjali-demokratiċi sa mit-twaqqif tiegħu, ħadem biex ikun aġevolat iż-żgħir.
Saħaq id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona, b’reazzjoni għall-baġit. Madanakollu fakkar li dan il-baġit mhux biss jindirizza lil dawk bi dħul baxx iżda jkompli jinċentiva aktar investiment biex permezz tiegħu ikun maħluq aktar xogħol. Punt, li nnota li rrikonoxxewh ukoll l-imsieħba soċjali.
Is-Segretarju Eżekuttiv tal-Partit Laburista Lydia Abela, iddeskrivit il-baġit bħala wieħed ta’ pajjiż ta’ suċċess fejn il-Maltin u l-Għawdxin kollha jistgħu verament jimxu ‘l quddiem. Abela fakkret li dan il-baġit kien possibbli għaliex il-Gvern jiddeċiedi u frott dawn id-deċiżjonijiet ġiet stabbilizata l-ekonomija, kibret l-ekonomija, inħolqu l-impjiegi u ġie mkattar il-ġid. Iddeskrivitu bħala l-aktar baġit soċjali fl-aħħar 25 sena.
Min-naħa tiegħu d-Deputat Silvio Parnis għamel referenza għall-miżuri ewlenin soċjali ta’ dan il-baġit fosthom l-impenn li fi żmien tliet snin żgħażagħ taħt is-sittax-il sena ma jkunux f’riskju ta’ faqar, iż-żieda fil-pensjonijiet, means test aktar realistiku u l-għajnuna li se tkun qed tingħata permezz ta’ diversi miżuri lil min qiegħed fuq il-minimum wage.
Madanakollu, il-Ministru Chris Cardona stqarr li mhuwiex l-iskop tal-Partit Laburista li jkun negattiv wara baġit tant pożittiv. Pero ma setax ma jsemmiex ir-reazzjoni bitter, negattiva, inkosistenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni li għal darb’oħra wera li huwa insensittiv u maqtugħ min- nies.