Illum Malta saret l-ewwel pajjiż tal-Unjoni Ewropea li minnu saret l-ewwel titjira lejn il-Libja wara r-rivoluzzjoni.
Dan wara li l-linja tal-ajru Mel Air taret lejn il-Libja.
Din it-titjira saret wara li l-Prim Ministru Malti Robert Abela u dak Libjan Abdul Hamid Dbeibeh iltaqgħu f’Malta u ġie ffirmat ftehim sabiex jerġgħu jibdew it-titjiriet bejn Malta u l-Libja.
Propju dalgħodu l-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri żar il-Libja f’dik li kienet l-ewwel titjira bejn iż-żewġ pajjiżi.
Din it-titjira bdiet twitti t-triq biex jibdew titjiriet bejn iż-żewġ pajjiżi.
Waqt konferenza li ġiet indirizzata f’ajruport fi Tripli, il-Ministru Silvio Schembri sostna li Malta dejjem kienet u se tibqa’ tkun vuċi għall-ħsibijiet u x-xewqat tal-Libjani f’fori internazzjonali u Ewropej.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Libjan għat-Trasport Mohammed Salem Al Shahoubi rrimarka kif il-ħsieb hu li permezz ta’ ftehim terġa’ tibda titjira fil-ġimgħa bejn iż-żewġ pajjiżi.
Fil-Libja, il-Ministru Silvio Schembri ltaqa’ wkoll mal-Ministru Libjan għall-Ekonomija Mohammed Haweg fejn iż-żewġ naħat iddiskutew opportunitajiet kummerċjali għal negozji f’Malta u fil-Libja.