Malta għandha sservi ta’ mudell għal pajjiżi oħra fejn jidħlu l-adozzjoni, il-fostering u l-kura tat-tfal, stqarret il-Ministru tas-Sri Lanka, Chandrani Bandara, li hija responsabbli mill-Ministeru għan-Nisa u għall-Affarijiet tat-Tfal, meta ltaqgħet mal-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, waqt żjara ta’ kortesija.
Din kienet laqgħa li serviet sabiex iż-żewġ Ministri qasmu l-ħsibijiet tagħhom dwar kif jista’ jintlaħaq ambjent sigur u xprunat mill-imħabba għal dawk it-tfal li għal xi raġuni jew oħra jkunu adottati, fostered jew jgħixu f’xi istituzzjoni. Il-Ministru Michael Falzon stqarr li f’Malta hawn 450 tifel u tifla li qed jinżammu f’ out-of-home care. Żied jgħid li l-aġenziji u partijiet interessati kollha qed jagħmlu l-massimu tal-almu tagħhom biex iwettqu l-hekk imsejħa matching exercises u screening qabel it-tfal jibdew jgħixu f’ambjenti differenti minn dak naturali tagħhom.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr ukoll li l-Gvern qed jagħmel dak kollu possibbli biex jgħin persuni interessati li jsiru foster carers, u dan hu ċar anke fiż-żieda fl-allokazzjoni finanzjarja, li telgħet għal €100 fil-ġimgħa minn €70.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Chandrani Bandara, faħħret il-miżuri adottati mill-Gvern Malti f’dan il-qasam. Hija spjegat li bosta miżuri, bħal dawk ta’ childcare b’xejn, trasport b’xejn għat-tfal mis-sena d-dieħla, breakfast b’xejn fl-iskejjel u l-after school clubs huma kollha ta’ impatt pożittiv kemm għat-tfal infushom, kif ukoll għall-ġenituri tagħhom.