“Malta ssejjaħ għal politika ta’ koeżjoni aktar flessibbli, b’approċċ imfassal apposta għal pajjiż li qiegħed jinbidel u ekonomija dinamika li qed tikber sostanzjalment”
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia waqt li kien qed jitkellem fil-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali fuq il-Politika ta’ Koeżjoni fil-Lussemburgu.
Il-Kummissjoni Ewropea fil-preżent qed tiddiskuti l-iskop u l-prijoritajiet tal-futur tal-Politika ta’ Koeżjoni, liema politika Malta bbenefikat minnha permezz ta’ fondi mill-2004 ‘l hawn.
Ir-rapport strateġiku fuq il-Politika ta’ Koeżjoni tal-2017 identifika diversi elementi li jinsabu fil-programmi li qegħdin ifixklu l-potenzjal tal-Politika ta’ Koeżjoni, fosthom il-kumplessità tar-regoli u anke proċeduri li jieħdu ħafna ħin.Is-Segretarju Parlamentari Farrugia rrimarka li fil-kuntest kurrenti, approċċ one-size fits allmhuwiex viabbli għaliex hemm riskju li dan iħalli barra lill-Membri Stati u lill-komunitajiet tagħhom li jinsabu fil-periferija jew dawk li ma jibbenefikawx minn ekonomiji ta’ skala. Membri Stati u komunitajiet bħal dawn jista’ jagħti l-każ li jitilfu l-benefiċċji tas-suq uniku minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom, u għaldaqstant il-Politika ta’ Koeżjoni trid tassigura li l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ma jistaġnax jew jitlef ir-rittmu.
Is-Segretarju Parlamentari rrimarka wkoll li l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni għandha tkun simplifikata iżjed permezz tat-tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi li ’humiex neċessarji kemm għall-benefiċċjarji, kif ukoll għall-awtoritajiet. Din is-simplifikazzjoni tiffaċilita u tinkoraġġixxi aktar teħid ta’ fondi. “Ħa nkun ċar: Wasal iż-żmien għal Brussell biex taqta’ l-burokrazija li qed iżżomna lura. Irrid li l-fondi ta’ koeżjoni ikunu aċċessibbli kemm jista’ jkun għall-applikanti ġewwa Malta, u li dawn jaħdmu għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha.”
Dr Farrugia żied li l-Politika ta’ Koeżjoni għandha tieħu nota tat-transizzjoni tar-reġjuni minn kategorija għall-oħra. Dan jippermetti transizzjoni bla xkiel minn kategorija għall-oħra u għaldaqstant jiġu eliminati ċertu diffikultajiet li jistgħu jirriżultaw mit-tnaqqis f’daqqa ta’ fondi.
Ritratt – MEAE_PS