Malta saħħet l-impenn tagħha biex tipproteġi t-tfal milquta minn kunflitt bit-tnedija ta’ dokument dwar it-tmexxija ta’ proċess ta’ konsultazzjoni nazzjonali dwar it-tfal u l-kunflitti armati (CAAC), żviluppat mill-Fondazzjoni Maltija għall-Benessri tas-Soċjetà (MFWS) bl-appoġġ tal-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu. Id-dokument tnieda fi Brussell nhar it-Tnejn, fil-marġini tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, fl-uffiċċju ta’ Malta fil-bini tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, enfasizza r-rwol kruċjali tad-dokument fl-amplifikazzjoni tal-vuċijiet tat-tfal milquta mill-kunflitti u fit-tiswir ta’ reazzjonijiet politiċi effettivi. Waqt li tenna l-impenn ta’ Malta għall-ħarsien tat-tfal, ħabbar ukoll ir-rwol tal-pajjiż fil-kampanja globali ‘Prove It Matters’, imnedija mill-Uffiċċju tar-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda għat-Tfal u l-Kunflitti Armati.
“Din il-kampanja tibgħat messaġġ qawwi: il-komunità internazzjonali trid taġixxi biex tiżgura li t-tfal mhux biss jgħixu iżda jirnexxu, anke fi żminijiet ta’ kriżi,” afferma d-Deputat Prim Ministru.

Dr Borg kompla li permezz ta’ inizjattivi bħall-inizzjattiva ta’ taħriġ għal dawk involuti fil-ħarsien tat-tfal, CAAC Primer, li diġà laħaq 1,300 parteċipant f’125 post, Malta qed tkompli tmexxi l-isforzi globali fil-protezzjoni tat-tfal.
“Malta qed taħdem bla waqfien għat-tfal milquta minn kunflitti, filwaqt li tiżgura li l-protezzjoni tagħhom tibqa’ prijorità globali. Bħala President tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar is-CAAC, mexxejna negozjati kritiċi u mexxejna r-Riżoluzzjoni 2764 tal-Kunsill tas-Sigurtà biex nissalvagwardjaw it-tfal waqt tranżizzjonijiet ta’ paċi. L-adozzjoni unanima tagħha, waħda mir-riżoluzzjonijiet l-aktar appoġġjati, hija turija tal-impenn tal-komunità internazzjonali. Imma mal-kliem hemm bżonn il-fatti. Permezz ta’ dan id-dokument u l-irwol tagħna fil-kampanja ‘Prove It Matters’, Malta qed tmexxi bidla reali. Irridu nimmobilizzaw l-appoġġ globali biex niżguraw li l-ebda tifel jew tifla ma jibqgħu inviżibbli, u d-drittijiet tagħhom ikunu protetti bis-sħiħ,” qal id-Deputat Prim Ministru Ian Borg.
Iċ-Chairperson u Fundatriċi tal-Fondazzjoni Maltija għall-Benessri tas-Soċjetà, Marie-Louise Coleiro Preca qalet li, “It-tfal huma fil-qalba tas-soċjetajiet tagħna u hekk kif il-kunflitti globali qed ikomplu jwarrbu lit-tfal, l-istejjer tagħhom ta’ trawma, reżiljenza u tama jridu jinstemgħu u jinftiehmu, biex nindirizzaw il-ħtiġijiet tagħhom għall-protezzjoni, id-drittijiet u l-integrazzjoni. Id-dokument li qed inniedu llum, jenfasizza dawn id-drittijiet universali, irrispettivament mill-oriġini tat-tfal.”

Bħala President tal-Grupp ta’ Ħidma tal-UNSC dwar is-CAAC, Malta kellha rwol ċentrali fin-negozjar ta’ 11-il konklużjoni tas-CAAC fuq sentejn. Barra minn hekk, matul il-mandat ta’ Malta, ġew organizzati 19-il laqgħa formali tal-Grupp ta’ Ħidma, flimkien ma’ żewġ żjarat fuq il-post fin-Niġerja (Lulju 2023) u l-Kolombja (Diċembru 2024), bil-għan li japprofondixxu l-fehim tas-sitwazzjoni fuq il-post.
“Is-salvagwardja tat-tfal mhix biss dmir, hija impenn fundamentali tad-demokraziji tagħna u manifestazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Nappella lill-komunità internazzjonali, lill-gvernijiet, u lill-awtoritajiet biex jiżguraw is-salvagwardja tat-tfal f’kunflitti armati u nagħmel appell mill-qalb lill-gvernijiet u lill-awtoritajiet tal-istati membri tal-UE biex jieħdu din ir-responsabbiltà bis-serjetà,” qalet Marie-Louise Coleiro Preca.
Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll il-Kummissarju Ewropew għall-Ekwità Interġenerazzjonali, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport Glenn Micallef, il-Kummissarju Ewropew għall-Mediterran Dubravka Šuica, u r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għat-Tfal u l-Kunflitti Armati Virginia Gamba.