F’Zaragoza, fi Spanja, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, żar l-istitut internazzjonali ewlieni għall-istudji agrikoli avvanzati (CIHEAM). Iż-żjara kellha l-għan li tkompli ssaħħaħ r-relazzjoni eżistenti bejn Malta u CIHEAM Zaragoza, filwaqt li tesplora toroq ġodda għall-kollaborazzjoni fis-setturi agrikoli u agroindustrijali.
Waqt din iż-żjara ġie ffirmat ftehim bejn Malta u CIHEAM Zaragoza li se jwitti t-triq għal kooperazzjoni b’saħħitha f’oqsma ta’ interess reċiproku, inkluża r-riċerka, l-iżvilupp, it-taħriġ, u l-iskambju tal-għarfien.
Wara ċ-ċerimonja tal-iffirmar, il-Ministru Refalo ltaqa’ ma’ rappreżentanti mis-settur agroindustrijali tar-reġjun Aragoniż fi Spanja. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq l-identifikazzjoni ta’ sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku li jistgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir u l-iżvilupp tas-setturi agrikoli u agroindustrijali taż-żewġ reġjuni.
Il-Ministru Anton Refalo stqarr, “Din iż-żjara u l-ftehim li ffirmajna se jsaħħu b’mod sinifikanti r-rabtiet ta’ Malta maċ-CIHEAM Zaragoza u r-reġjun Aragoniż. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni se jkun hemm skambju tal-għarfien u l-aħjar prattiċi li għandha twassal għal settur agrikolu aktar sostenibbli kemm għal Malta kif ukoll għal Spanja”.