Malta qiegħda żżomm soda quddiem il-pressjoni tal-Unjoni Ewropea biex tinbidel konvenzjoni li tista tfisser it-tmiem tal-industrija tal-gaming f’ pajjiżna. Industrija li fl-2015 ikkontribwixxiet għal 11% tal-prodott domestiku gross ta’ pajjiżna, ħaddmet madwar 8,000 persuna u ħalliet mas-€700 miljun ewro fl-ekonomija fis-sena.
L-Unjoni Ewropea qed tipprova tirratifika l-Konvenzjoni dwar frodi u korruzzjoni sportiva. Li ma tħallix lill-operatur b’ liċenzja mill-Malta Gaming Authority joffru s-servizzi tagħhom f’ Stati Membri oħra.
Ħafna mill-kumpaniji tal-gaming reġistrati Malta u li joperaw minn pajjiżna għandhom ammont sinifikanti tal-klijenti minn Stati Membri oħra li jilgħabu l-flus fuq avvenimenti sportivi barranin- għalhekk b’ daqqa ta’ pinna dawn kollha jkollhom jagħlqu.
Peress li l-Unjoni Ewopea trid li din il-konvenzjoni tkun ratifikata mill-Istati Membri kollha, il-fatt li Malta qed tirrifjuta li taqbel magħha, qed issalva l-industrija minn xagħrha. Għax qed tagħmel dan, Malta qed taffaċċja kritika ħarxa mill-Partit Popolari Ewropew- li jifforma parti minnu l-Partit Nazzjonalista.
F’ kummenti fuq One Radio, il-Prim Ministru fiehem pajjiżna dejjem ikkontribwixxa biex jidħlu miżuri li jipprovaw jeliminaw il-korruzzjoni fl-isport, u ppropona definizzjonijiet differenti minn dik użata fil-konvenzjoni proposta- iżda din il-konvenzjoni tagħmel ħsara kbira għal pajjiżna.
“Li kieku aħna nagħtu l-permess biex il-Kummissjoni Ewropea timxi ‘l quddiem, ix-xogħol ta’ kull persuna li qed tismagħna u taħdem ma’ kumpanija tal-gaming tkun fil-periklu li titlef l-impjieg. Iżda mhux dik il-persuna biss tkun fil-periklu, anke l-industrija li timxi mas-settur tal-gaming, dik tar-renti tal-appartamenti u n-nies li jaħdmu fl-uffiċini f’dan il-qasam.”
Kritika li ġejja mill-Partit li minnu jagħmel parti l-Partit Nazzjonalista, għaldaqstant, il-mistoqsija naturali hi, xhini l-pożizzjoni tal-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil?
“Nixtieq li l-Kap tal-Oppożizzjoni joħroġ jgħid jekk jaqbilx mal-EPP, li pajjiżna għandu icedi għal din il- pressjoni u jiffirma l-konvenzjoni li tipperikola l-qasam tal-gaming jew jekk jaqbilx mal-Gvern Malti, u jmur kontra l-grupp politiku tiegħu li tant ċapċaplu u ħa pjaċir bih din il-ġimgħa.”
Il-Prim Ministru sostna li pajjiżna mhux ser iċedi, għaliex m’ aħniex parti mill-Unjoni Ewropea biex inbaxxu rasna, anżi għandna nissalvagwardjaw l-interessi tagħna- minkejja l-kritika li nistgħu naqilgħu.