Il-prezzijiet tal-enerġija f’pajjiżi Ewropej differenti u anke fir-Renju Unit bħalissa huma m’għola s-smewwiet.
Fi Spanja u l-Portugall l-prezzijiet tal-enerġija huma t-tripplu ta’ dak li kienu jiswew sitt xhur ilu. Fil-fatt kull megawatt is-siegħa f’dawn il-pajjiżi qed jiswa madwar €175 filwaqt li fir-Renju Unit dan saħansitra jiswa aktar minn €183.
Dan minħabba nuqqas ta’ ftehim li kellu jiffissa prezz stabbli fuq xiri tal-gass.
Is-sit awtorevoli Politico jispjega kif dan kollu jipponta ħafna lejn l-akkwist tal-gass naturali hekk kif l-Ewropa tiddependi ħafna minnu sabiex tissupplixxi l-enerġija.
Madankollu bħalissa fl-istess kontinent qed tiddomina l-problema ta’ ħażna li mhux qed tlaħħaq mad-domanda tal-gass, issa li l-Ewropa bdiet tirkupra mill-pandemija. B’hekk splodew ’il fuq il-prezzijiet tal-gass.
Fortunatament f’pajjiżna l-prezzijiet tal-fjuwil u l-enerġija, li jiddependu ħafna fuq il-prezz tal-gass, baqgħu stabbli anke f’dan iż-żmien ta’ kriżi fis-settur.
Dan grazzi għal ftehim ta’ hedging li kien għamel Gvern Laburista u li permezz tiegħu pajjiżna seta’ jixtri l-gass bi prezz fis u stabbli, irrelevanti minn kemm jogħla wara l-iffirmar tal-ftehim.
B’hekk f’każ ta’ kriżi bħal din, Malta għall-kuntrarju ta’ pajjiżi oħra Ewropej hija protetta mill-prezzijiet għoljin li qed jiddominaw bħalissa fil-qasam tal-gass.
Eżempju ta’ kemm Malta gawdiet minn dan il-ftehim imsejjaħ bħala ‘hedging’ huwa l-fatt li sa Mejju, Malta kienet l-unika pajjiż fl-Ewropa li fiha, il-prezzijiet tal-fjuwil m’għolewx.
Dan hekk kif il-prezz tal-petrol f’pajjiżna kienu tnax-il ċenteżmu irħas mill-medja Ewropea filwaqt li l-prezz tad-diesel kien disa’ ċenteżmi rħas.
Mingħajr dan il-ftehim ta’ hedging, bejn l-2008 u l-2013 taħt Gvern ta’ GonziPN, il-prezz tal-fjuwil f’pajjiżna għola ferm b’aktar mill-Ewropa, minkejja li kien f’baħar wieħed jaffaċċja l-kriżi taż-żejt.