Malta ser tkun fost il-pajjiżi ewropej li tifforma parti mill-Fond ta’ Innovazzjoni u Aħbarijiet Diġitali kkreat mill-kumpanija Google bi sħab mal-kmamar tal-aħbarijiet fl-Ewropa.
L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li tkun ta’ appoġġ lill-aħbarijiet kif ukoll lill-ġurnaliżmu diġitali bil-għan li permezz tat-teknoloġija u l-innovazzjoni l-aħbar tasal għal għand il-poplu bi kwalita’ għolja.
Għal dan il-fond, il-kumpanija Google investiet total ta’ 150 miljun ewro sabiex b’hekk il-kmamar tal-aħbarijiet minn madwar l-Ewropa jkunu f’qagħda li jipprovaw, jesperimentaw kif ukoll ikunu innovattivi f’din l-era diġitali.
Għal din it-tnedija s-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri rrimarka dwar l-evoluzzjoni tal-aħbarijiet tul is-snin; fejn minn era fejn wieħed kien ikollu jsegwi l-bulettin tal-aħbarijiet illum il-ġurnata wieħed jista’ jaċċessa l-aħbar minn kullimkien.
Preżenti kien hemm l-ewroparlamentari għall-Partit Laburista Marlene Mizzi fejn spjegat li d-dinja diġitali bidlet għal kollox il-mod kif l-aħbarijiet qegħdin jiġu ppublikati. Sadanittant, f’intervent l-Ewroparlamentari Miriam Dalli f’messaġġ faħħret din l-inizjattiva fejn saħqet li permezz ta’ dan il-Fond, il-kunċett ġurnalistiku qiegħed dejjem ikun strutturat b’mod aħjar.
Il-Fond ta’ Innovazzjoni u Aħbarijiet Diġitali mwaqqaf mill-Google ilu mwaqqaf mill-2015. Minn dak iż-żmien l’hawn ġew allokati aktar minn 90 miljun ewro fejn gawdew minnhom total ta’ 29 pajjiż għal aktar minn 460 proġett ambizzjuż li kellu x’jaqsam mal-ġurnaliżmu diġitali.