L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO) ser tibda tipprovdi programm onlajn ta’ taħriġ globali fuq is-saħħa u l-anzjanità u Malta ser tissapportja dan il-programm wara laqgħa formali bejn il-Prim Ministru Malti, Joseph Muscat u Direttur mill-istess organizzazzjoni, John Beard.
Dan il-pjan ġie addottat mill-istati membri tal-Organizzazzjoni dinjija għas-saħħa fl-assemblea ta’ Mejju tal-2016. Dan il-pjan huwa bbażat fuq kunċett ġdid ta’ anzjanità u saħħa kif kien deskritt fir-rapport dinji tal-2015.
Malta ser tkun qed timplementa din l-istrateġija u ser tistabbilixxi programm inizzjali ta’ taħriġ innovattiv għall-uffiċjali tal-Gvern, mexxejja tas-soċjetà ċivika kif ukoll għall-membri tal-istaff tal-organizzazzjoni dinjija għas-saħħa.
Din l-istrateġija mhux se tiffoka fuq it-tnaqqis tal-mard iżda l-għan ewlieni ħa jkun iffokat fuq l-abbilitajiet li għandhom dawn in-nies avvanzati fl-età sabiex jivvalutaw lilhom infushom. Dan filwaqt li tiżgura li r-reazzjoni tan-nies għall-anzjanità tkun qed timxi pass pass mal-pjan ambizzjuż tal-organizzazzjoni għall-anzjanità.